top of page
ME
NU
  • Writer's pictureLara Michelle Camilleri

Ħallik mill-materjaliżmu u duq il-ħajja



Taf għaliex int materjalist?


Il-pjaga tal-materjaliżmu hija l-kilba kontinwa li nakkwistaw kulma nixtiequ filwaqt li nemmnu li l-akkwist ta’ dawn l-affarijiet se jrebbaħna l-kuntentizza. Il-materjaliżmu jġiegħlek temmen li aktar ma jkollok, il-kwalità tal-ħajja tiegħek se titjieb dejjem aktar.


Diversi studji wrew li, fil-verità, l-affarijiet materjali jissodisfaw l-ego tagħna għal ħin qasir filwaqt li qatt ma jirnexxilhom iwasslu għall-veru ferħ li jkun jixtieq il-bniedem.

Minkejja dan, moħħna jirnexxilu jikkonvinċina li l-oġġetti li nixtru se jtellgħuna fis-seba’ sema. Dan għaliex ix-xiri tal-affarijiet jiġi kkunsidrat bħala emozzjoni pożittiva hekk kif kapaċi jtejjeb il-burdata u jgħolli l-moral. Saħansitra, moħħna ma jirnexxilux joħloq differenza bejn sempliċement ħsieb li nixtru oġġett u x-xiri tal-oġġett innifsu.



Bosta ekonomisti saħqu li l-ħtieġa li nixtru u li nistabbilixxu d-dritt tagħna fuq l-oġġetti hija pjuttost naturali hekk kif il-bnedmin ilhom minn ewl id-dinja jikkompetu bejniethom fuq l-ammont limitat ta’ riżorsi.


Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ sodisfazzjon huwa mekkaniżmu li jgħinna nfittxu xi ħaġa aħjar u jżommna għatxana għal iktar.


Madanakollu, ix-xiri żejjed mhux talli ma jagħmlekx kuntent iżda talli jisraqlek il-kuntentizza li jkun għad fadallek hekk kif il-bniedem jibda jagħti wisq importanza lil kulma hu materjali. Studji wrew li l-materjaliżmu jista’ jikkawża dipressjoni, ansjetà, uġigħ ta’ ras, narċiżmu kif ukoll diżordni personali.


Fl-aħħar mill-aħħar, l-esperjenzi li ngħaddu minnhom jiswew bil-bosta aktar mill-oġġetti li nixtru. L-oġġetti jiġu u jmorru imma l-esperjenzi nibqgħu nġorruhom għal għomorna. Jasal żmien fejn l-oġġett li nkunu xtrajna se nixbgħu minnu, iżda l-esperjenzi jafu jibqgħu jqanqluna matul ħajjitna kollha.

bottom of page