Lara Michelle Camilleri
24 sena mit-twaqqif tal-kumpanija Netflix mill-imprendituri Amerikani Reed Hastings u Marc Randolph

Bħal-lum 24 sena ilu (fl-1997), twaqqfet il-kumpanija Netflix, Inc. mill-imprendituri Amerikani Reed Hastings u Marc Randolph; oriġinarjament bdiet bħala kumpanija tal-kiri u l-bejgħ tad-DVDs u iktar tard espandiet f'kumpanija tal-produzzjoni u x-xandir tal-vidjows.
Fl-1998, Netflix ipprova joffri xi ħaġa ġdida lill-konsumaturi u għaldaqstant Randolph kien iddeċieda li joffri filmat tat-testimonjanza tal-President Bill Clinton dwar l-involviment tiegħu ma' Monica Lewinsky. Madankollu, kien sar żball fl-ordni hekk kif mill-elf konsumatur li ordnaw it-testimonjanza, xi mijiet kienu rċevew DVDs b'pornografija Ċiniża.
L-ewwel serje televiżiva li qatt inħolqot apposta għal Netflix kienet House of Cards, fl-2013, u, permezz tagħha, Netflix kien infiltra fl-industrija tal-produzzjoni u l-kontenut. Illum il-ġurnata, Netflix għandu madwar 209 miljun persuna abbonata miegħu u huwa aċċessibbli madwar id-dinja kollha, ħlief fiċ-Ċina (minħabba restrizzjonjiet lokali), is-Sirja, il-Korea ta' Fuq u l-Krimea (minħabba sanzjonjiet tal-Istati Uniti).