Isma' Ftit
450 sena mit-twelid tal-pittur Michelangelo Merisi, jew aħjar, Caravaggio

Bħal-lum 450 sena ilu (fl-1571), twieled il-pittur Taljan Michelangelo Merisi, jew aħjar, Caravaggio, li sar famuż lejn l-aħħar tas-seklu 16 u l-bidu tas-seklu 17 għax-xogħlijiet kontroversjali reliġjużi li kien ipitter b’realiżmu li jaħsad.
Filwaqt li artisti Taljani oħra ta’ żmienu kienu jsegwu l-eleganza, Caravaggio kien ipitter bl-istint l-istejjer bibliċi b’mod drammatiku u mdemmi. Ta’ 11-il sena, Caravaggio safa orfni, għaldaqstant daħal bħala apprentist ma’ pittur f’Milan. Aktar tard, kien irriloka f’Ruma, fejn xogħlijietu saru popolari minħabba t-teknika tat-tenebriżmu li kien juża, il-chiaroscuro, hekk kif kien jinqeda bid-dell biex jenfasizza żoni iktar ċari. Madankollu, il-karriera tiegħu f’Ruma ġiet fi tmiemha f’qasir żmien minħabba li fl-1606, waqt ġlieda li kienet qamet, Caravaggio qatel lil Ranuccio Tomassoni u spiċċa kellu jaħrab minn Ruma u jsib refuġju f’Napli, Malta u Sqallija, fost pajjiżi oħra. Meta kien ħarab lejn Malta, Caravaggio kien ingħata rikonoxximent ta’ ‘Knight of Justice’ mill-Ordni ta’ Malta, madankollu, malli l-Ordni għarfet il-qtil li kien wettaq Caravaggio malajr irtirat ir-rikonoxximent.
Caravaggio kompla b’xogħlijietu anki meta ħarab. Fil-fatt, f’Napli kien pitter Madonna of the Rosary u The Seven Works of Mercy, f’Malta kien pitter Beheading of St. John the Baptist, f’Messina kien pitter The Resurrection of Lazarus u The Adoration of the Shepherds, filwaqt li f’Palermo kien pitter Adoration with St. Francis and St. Lawrence.
Minn Benjamin Camilleri