Isma' Ftit
59 sena mill-Konċilju Vatikan it-Tieni li jibqa’ mfakkar għall-ftuħ tal-Knisja għad-dinja moderna

Bħal-lum 59 sena ilu (fl-1962), beda l-Konċilju Vatikan it-Tieni, hekk imħabbar mill-Papa Ġwanni XXIII fl-1959, li dam tliet snin, u jibqa’ mfakkar (b’mod kontroversjali għal xi wħud) għall-fatt li l-Knisja bdiet tinfetaħ għall-ħajja moderna.
Meta l-Papa ħabbar il-Konċilju, id-dinja ħassitha xxukkjata hekk kif, għal madwar mitt sena, ma kien sar l-ebda konċilju ekumeniku (assemblea tal-mexxejja reliġjużi Kattoliċi Rumani bl-għan li jiġu ċċarati kunċetti dottrinali). Il-Konċilju sejjaħ madwar 2,500 isqof u eluf ta’ osservaturi, awdituri, sorijiet, u lajċi biex jattendu erba’ sessjonijiet fil-Bażilika ta’ San Pietru, bejn l-1962 u l-1965. Permezz ta’ dawn il-laqgħat, tnedew 16-il dokument li fasslu l-pediment għall-Knisja kif nafuha llum il-ġurnata.
Fost deċiżjonijiet li ttieħdu, il-Konċilju ddeċieda li jħalli lill-Kattoliċi jitolbu ma’ denominazzjonijiet Kristjani oħra, jinkoraġġixxi ħbiberija ma’ persuni li mhumiex Kristjani u jagħti opportunità biex jintużaw lingwi oħrajn waqt il-quddies, apparti l-Latin. Deċiżjonijiet oħra ttieħdu rigward l-edukazzjoni, il-midja u r-rivelazzjoni divina.
Minn Benjamin Camilleri