Lara Michelle Camilleri
82 sena minn meta l-Ewropa daqet il-bidu ta’ dak li kellu jkun l-iktar kunflitt qerriedi li qatt ra

Bħal-lum 82 sena ilu (fl-1939), l-Ewropa daqet il-bidu ta’ dak li kellu jkun l-iktar kunflitt qerriedi li qatt ra l-bniedem: it-Tieni Gwerra Dinjija.
Fil-4.45am ġew sparati l-ewwel tiri li mmarkaw l-invażjoni tal-Polonja mill-Ġermanja, parti mill-espansjoni territorjali ppjanata minn Adolf Hitler. Fi ftit jiem, Franza u r-Renju Unit iddikjaraw gwerra fuq il-Ġermanja sabiex jipproteġu lill-Polonja. Fix-xhur sussegwenti, il-Ġermaniżi rnexxielhom jikkonkwistaw pajjiż wara l-ieħor tant li l-kontinent Ewropew, Franza inkluża, waqa’ prattikament kollu taħt il-ħakma tagħhom. Madankollu, ir-Renju Unit baqa’ ma ċeda qatt. Il-ġlied ma damx biex infirex madwar id-dinja kollha, bl-involviment dirett u indirett ta’ diversi pajjiżi minn kull kontinent. Maż-żmien, l-Alleati li kien għad fadal, flimkien mal-Unjoni Sovjetika, beda jirnexxilhom iwaqqfu l-avvanz tal-forzi tal-Assi, u saħansitra bdew jirbħulhom f’battalja wara l-oħra. Il-proċess imdemmi tal-liberazzjoni tal-Ewropa dam għaddej sa Mejju tal-1945, biċ-ċediment finali u inkundizzjonat tal-Ġermanja. Iżda l-ġlied baqa’ għaddej sa Awwissu tal-istess sena, sakemm l-Imperu Ġappuniż, l-aħħar membru tal-Assi, kellu jċedi wkoll.
Din il-paġna fl-istorja ħalliet warajha qerda, devastazzjoni, tbatija u mewt fuq skala tal-waħx u bla preċedent, u rriżultat ukoll f’tibdiliet kbar li għadhom jaffettwawna sal-lum.
Benjamin Camilleri