Lara Michelle Camilleri
Bħal-lum 21 sena ilu jiġġarraf l-ajruplan supersoniku Concorde waqt it-titjira Air France 4590

Bħal-lum 21 sena ilu (fis-sena 2000), l-ajruplan supersoniku Concorde, waqt it-titjira Air France 4590, iġġarraf ’il barra minn Pariġi, b’109 persuni abbord jinqatlu.
Hu maħsub li din it-traġedja ħaffet it-tmiem ta’ kull ajruplan tal-Concorde tliet snin wara. It-titjira telqet mill-ajruport Charles de Gaulle, f’Pariġi, bit-tir li tasal l-ajruport ta’ John F. Kennedy, ġewwa New York. Mat-tluq, l-ajruplan saq fuq biċċa metall li kienet fuq ir-runway bil-konsegwenza li nfaqa’ t-tajer u spiċċa ġie mtajjar f’waħda mill-magni u t-tankijiet tal-fuels, u ħa n-nar.
L-ajruplan Concorde kien itir iktar mgħaġġel mill-veloċità tal-ħoss tant li kien jaqsam l-Oċean Atlantiku f’inqas minn tliet sigħat u nofs.