Lara Michelle Camilleri
Bħal-lum 137 sena ilu, l-Istatwa tal-Libertà ġiet mogħtija lill-Istati Uniti minn Franza

Bħal-lum 137 sena ilu (fl-1884), l-Istatwa tal-Libertà, jew kif kienet magħrufa qabel ‘Liberty Enlightening the World’, ġiet mogħtija lill-Istati Uniti minn Franza waqt ċerimonja f’Pariġi biex tiġi kkommemorata l-ħbiberija bejn il-popli tal-Istati Uniti u Franza. Din l-istatwa tirrappreżenta mara b’torċa f’idha l-leminija mgħollija ’l fuq u tavla fl-id l-oħra bid-data ta’ meta d-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza ġiet fis-seħħ (fl-4 ta’ Lulju, 1776).
L-idea li tinbena statwa twieldet fl-1865 meta l-Istoriku Franċiż Édouard de Laboulaye kien ippropona li jinbena monument li jikkommemora u jiċċelebra ċ-ċentinarju li kien riesaq tal-indipendenza tal-Istati Uniti (1876), il-perseveranza tad-demokrazija Amerikana kif ukoll il-ħelsien tal-iskjavi fl-istati. Fl-1984, l-Istatwa tal-Libertà ġiet miżjuda mal-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.
