Lara Michelle Camilleri
Bħal-lum 184 sena ilu, Vittorja ġiet inkurunata reġina tal-Gran Brittanja u l-Irlanda

Bħal-lum 184 sena ilu (fl-1837), Vittorja ġiet inkurunata reġina tal-Gran Brittanja u l-Irlanda. Wara r-Reġina Eliżabetta II, ir-Reġina Vittorja kellha l-itwal renju tal-monarkija Brittannika hekk kif baqgħet fit-tron sa mewtha, jiġifieri sal-1901.
Matul ir-renju ta’ Vittorja, il-Gran Brittanja wessgħet il-kultura tagħha u ġarrbet avvanzi industrijali, xjentifiċi u komunikattivi, kif ukoll rat il-bini tal-ferroviji u s-sistema tat-trasport ta’ taħt l-art. Meta twieldet, Vittorja kienet il-ħames eredi tat-Tron Brittanniku. Madankollu, mal-mewt ta’ missierha fl-1820, Vittorja laħqet eredi apparenti għax it-tliet zijiet tagħha, li kienu qabilha biex jirtu t-tron, ma kellhom l-ebda eredi leġittimi li baqgħu ħajjin. Meta miet ir-Re William IV f’Ġunju tal-1837, Vittorja laħqet reġina ta’ 18-il sena. Bejn l-1840 u l-1882, seħħew seba’ attentati fuq ħajjet Vittorja. Ir-Reġina Vittorja żżewġet lil Francis Albert Augustus Charles Emmanuel; u flimkien kellhom disat itfal, fosthom lil Edward VII li laħaq re mal-mewt ta’ Vittorja. Mal-mewt ta’ Edward VII, ibnu, George Frederick Ernest Albert, sar ir-Re Ġorġ V.
Dan tal-aħħar kien in-nannu tar-Reġina Eliżabetta II. L-era Vittorjana, fl-istorja Ingliża, hu l-perjodu bejn l-1820 u l-1914, li bejn wieħed u ieħor jikkorrispondi għall-perjodu li matulu kien hemm ir-renju tar-Reġina Vittorja.