top of page
ME
NU
  • Writer's pictureLara Michelle Camilleri

Bħal-lum 232 sena ilu, kotra Franċiża daħlet Bastille biex teħles lill-priġunieri maqbuda



Bħal-lum 232 sena ilu (fl-1789), kotra Franċiża, imxebbgħa mit-tmexxija tar-re tagħha, daħlet Bastille biex takkwista l-armi u teħles lill-priġunieri maqbuda.


Bastille, li oriġinarjament kien inbena bħala fortizza medjevali, beda jintuża bħala ħabs tal-istat hekk kif priġunieri politiċi bdew jinżammu hemmhekk, u daqstant ieħor ċittadini miżmuma mill-awtoritajiet huma u jistennew is-smigħ tal-kawża tagħhom. Għadd ta’ priġunieri kienu jinżammu fuq ordni diretta tar-re, liema ordni ma setgħetx tiġi appellata. Għaldaqstant, Bastille spiċċa jissimbolizza l-monarkija ħarxa tal-Borboni, minkejja li fl-aħħar tas-seklu 18 qajla baqa’ jintuża u kien skedat li jiġi mwaqqa’.


Madankollu, fl-14 ta’ Lulju tal-1789, ġemgħa nies daħlet Bastille u ordnat biex jingħatawlha l-armi u l-munizzjon maħżuna hemmhekk. Meta l-għassiesa rreżistew, il-miġemgħa ħatfet Bastille taħt idejha u ħelset lis-seba’ priġunieri li kien hemm. Dan l-avveniment, imfakkar bħala Bastille Day, liema jum hu festa nazzjonali fi Franza, ifakkar il-bidu tar-Revoluzzjoni Franċiża kif ukoll it-tmiem tal-ancien régime.

bottom of page