Lara Michelle Camilleri
Bħal-lum 36 sena ilu ġie organizzat il-kunċert Live Aid f'Londra u Philadelphia

Bħal-lum 36 sena ilu (fl-1985), il-kunċert Live Aid ġie organizzat simultanjament fil-Wembley Stadium f’Londra u fil-John F. Kennedy (J.F.K.) Stadium f’Philadelphia.
L-avveniment attira madwar biljun u nofs segwaċi, minn 150 nazzjon differenti, u ġabar miljuni ta’ dollari b’risq l-Etjopja hekk kif snin ta’ nixfa, gwerra ċivili, u nuqqas mill-gvern biex jikkontrolla s-suq tal-qamħ fil-bidu tat-tmeninijiet kienu wasslu għall-faqar li spiċċa hedded mijiet ta’ eluf ta’ ħajjiet fl-Etjopja. Il-kunċert dam għaddej għal madwar 16-il siegħa, madankollu, minħabba li għadd ta’ prestazzjonijiet mill-artisti saru b’mod simultanju f’Wembley u f’J.F.K., it-total ta’ sigħat li fil-prattika dam għaddej il-kunċert kien ħafna aktar. Il-kunċert irnexxielu jiġi organizzat f’għaxar ġimgħat biss.
Ftit mill-artisti li ħadu sehem kienu Queen, Elton John, Madonna, Sting, Bryan Adams, David Bowie, Phil Collins, Duran Duran u U2.