Lara Michelle Camilleri
Bħal-lum 42 sena ilu, Saddam Hussein isir il-President tal-Iraq

Bħal-lum 42 sena ilu (fl-1979), Saddam Hussein sar il-President tal-Iraq, u t-tmexxija dittatorjali u brutali tiegħu, li damet 24 sena, tibqa’ mfakkra għal numru ta’ gwerer li ddikjara kontra l-pajjiżi ġirien tal-Iraq kif ukoll għall-atroċitajiet kontra l-poplu Iraqi stess.
Fiż-żmien meta Hussein kien president, inqatlu aktar minn miljun persuna permezz tal-gwerer u l-ġenoċidji, fatt li hu baqa’ jiċħad. Taħt Hussein, filwaqt li frazzjoni mill-poplu kienet tgawdi mill-ġid u l-benefiċċji li kien iġib miegħu ż-żejt, frazzjoni oħra, li kienet topponih, spiċċat tiġi ttorturata u maqtula.
Fid-9 t’April 2003, wara kunflitti militari mal-forzi armati tal-Istati Uniti, seħħet il-waqgħa ta’ Baghdad; fit-13 ta’ Diċembru tal-istess sena Hussein instab moħbi f’bunker taħt l-art u fit-30 ta’ Diċembru 2006 Hussein ingħata l-forka.