Lara Michelle Camilleri
Bħal-lum 44 sena ilu, Elvis Presley kanta quddiem udjenza f’Indianapolis għall-aħħar darba

Bħal-lum 44 sena ilu (fl-1977), Elvis Presley kanta quddiem udjenza għall-aħħar darba waqt kunċert f’Market Square Arena, f’Indianapolis.
Minkejja li f’dan il-mument f’ħajtu, Elvis kien jidher pallidu u b’piż żejjed, xorta waħda rnexxielu jagħti kunċert mill-aqwa. Madankollu, waqt il-kunċert, Elvis kien kważi introduċa fuq il-palk lil kull min qatt kien preżenti f’ħajtu, xi ħaġa li qatt ma kien għamel. Filwaqt li ftit mill-udjenza kienet stqarret li Elvis kien konxju tal-fatt li dawk kienu l-aħħar jiem tiegħu, oħrajn qalu li Elvis kien sempliċement inkwetat dwar il-bijografija li kienet se tiġi ppubblikata minn Sonny u Red West, li, fil-passat, kienu l-uffiċjali tas-sigurtà personali tiegħu.
Elvis Presley miet kważi xahrejn wara, fl-età ta’ 42 sena, kawża ta’ attakk tal-qalb, iżda hu mifhum li l-konsum tad-droga u kundizzjonijiet oħra tas-saħħa kkontribwixxew għal dan l-attakk tal-qalb.