Lara Michelle Camilleri
Bħal-lum 91 sena ilu jimmarka t-twelid tal-ewwel persuna li rifset fuq il-qamar Neil Alden Armstrong

Bħal-lum 91 sena ilu (fl-1930), l-astronawta Amerikan Neil Alden Armstrong, li kien l-ewwel persuna li qatt rifset fuq il-qamar, twieled f’Ohio.
Il-passjoni ta’ Armstrong għall-avjazzjoni nibtet meta kellu biss 6 snin hekk kif kien tela’ fuq ajruplan għall-ewwel darba. Meta għalaq 16-il sena, Armstrong kiseb il-liċenzja ta’ pilota, u, fl-1947, laħaq kadett navali u tal-ajru. Fl-1955 iggradwa u immedjatament laħaq pilota ċivili tar-riċerka man-NACA, li iktar tard saret NASA. Armstrong ivvjaġġa għal iktar minn 1,100 siegħa biex jittestja għadd ta’ ajruplani supersoniċi kif ukoll ir-rokit X-15.
Fl-1962, Armstrong ingħaqad mal-programm tal-ispazju flimkien mat-tieni grupp ta’ astronawti. Fis-16 ta’ Lulju 1969, Armstrong, flimkien ma’ Edwin E. Aldrin, Jr. u Michael Collins marru fuq il-missjoni Apollo 11 u erbat ijiem wara, il-modulu lunari Apollo, imsejjaħ Eagle, li kien qed jinstaq manwalment minn Armstrong, niżel fuq il-qamar b’mod sigur.