Lara Michelle Camilleri
Bħal-lum 96 sena ilu jiġi ppubblikat l-ewwel volum tal-Mein Kampf, il-manifest politiku ta' Hitler

Bħal-lum 96 sena ilu (fl-1925), ġie ppubblikat l-ewwel volum tal-Mein Kampf, il-manifest politiku ta’ Adolf Hitler li sar il-bibbja tan-Nażiżmu waqt it-Third Reich tal-Ġermanja.
Sentejn wara, ġie ppublikat it-tieni volum, u fl-1930, ġiet ippubblikata edizzjoni mqassra. Sal-1939, ġew mibjugħa 5,200,000 kopja tal-manifest, li kien l-uniku ktieb komplut ta’ Hitler, u ġie tradott fi 11-il lingwa differenti. L-ewwel volum jittratta d-dinja taż-żgħożija ta’ Hitler, l-Ewwel Gwerra Dinjija u t-tradiment li sofriet il-Ġermanja fl-1918, kif ukoll l-ideoloġija razzista ta’ Hitler, fosthom, l-identifikazzjoni tar-razza Arjana bħala razza “ġenja” filwaqt li r-razza Lhudija kienet imsejħa “parassita”. Fil-manifest tiegħu kiteb speċifikament dwar it-tneħħija tal-Lhud, liema tneħħija riedet “neċessarjament tinvolvi proċess imdemmi”.
Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, il-popolarità tal-Mein Kampf kienet kibret sew fil-Ġermanja hekk kif il-qari tal-manifest kien sar obbligatorju, tant li l-Gvern kien beda jagħti kopja tal-manifest lil kull koppja li kienet tiżżewweġ. Madanakollu, wara t-Tieni Gwerra, il-liġi Ġermaniża pprojbixxiet il-bejgħ ta’ kotba li kienu jesponu l-filosofija Nażista.