top of page
ME
NU
  • Writer's pictureGħidli Mitejn

Emerġenza

Ġrajja li kultant niltaqgħu magħha tassew. Miktuba hawn għalina minn Keith Attard.



“Maltin?”


“Iva. Kollox sew?”


Ħamis ix-Xirka. L-għaxra u tlettax-il minuta. Jien u Ricardo konna mixjin lejn il-karozzi tagħna biex nerħulha d-dar wara mixja ħelwa mad-dawra mdawla tal-Birgu u Bormla.


“Inqalgħetilna emerġenza, tistgħu tgħinuna?” karbet it-tfajla b’vuċi mriegħda waqt li rranġat l-iskufja s-sewda f’rasha.


Il-ġuvni ta’ ħdejha, bil-kmiem tal-ġakketta mxammrin u b’ħarsa mqita fuq wiċċu, ma lissinx kelma. Donnha hi kienet il-magħżula biex titkellem.


“Xi nqala’? Mela le. Jekk nistgħu, naqdukom bil-qalb kollha.”


Pruvajt nikkalmaha. Veru dehret maħsuda.


“Sakkart il-karozza bil-flus b’kollox u m’għandniex biex immorru d-dar. Iċ-ċavetta għosfrot. Tistgħu tgħinuna b’xi mod jekk jogħġobkom?”


Sieħbi, avukat prima klassi, ħa r-riedni f’idejh.


“Trid il-mobile u ċċempel lil xi ħadd? Bħalissa, minħabba l-pandemija ma nirriskjawx intellgħu nies barranin. Tifhimni, hux hekk?”


It-tfajla ħarrket rasha ’l isfel u qablet miegħu.


“Lanqas forsi tgħaddulna €4 u €4 kemm ikollna biex naqbdu taxi għal Birżebbuġa?”


Bil-kalma kollha tad-dinja Ricardo reġa’ offrielha l-mobile u talabhom iċemplu d-dar ħalli jġibulhom l-ispare key.


B’demgħa ġġelben minn għajnejha qaltilna li huma jgħixu għal rashom u ċ-ċwievet tad-dar kienu wkoll imsakkrin fil-karozza.


“Skużani, jien flus ma nagħtix. Saħħa.” U Ricardo ġibidni minn ġenb il-ġakketta u pespisli biex nimxu.


“Sinjur inqalgħetilna emerġenza...” instema’ jgħid l-istess leħen lil raġel ipparkjat għall-affari tiegħu fil-Volkswagen Polo.


Imxejna għal għoxrin minuta oħra lejn il-karozzi tagħna. Ricardo kien konvint li pruvaw jistaduna waqt li jien ippridkajtlu fuq kemm kien iebes magħhom.

Jien u nsuq lura d-dar rajt lir-raġel sieket tal-kmiem imxammrin f’karozza jistenna lill-mara tal-iskufja s-sewda għand tal-pastizzi. Id-demgħa ġġelben u l-ħarsa mqita kienu għebu. Kont kuntent għalihom li rnexxielhom isibu ċ-ċavetta.

bottom of page