Isma' Ftit
Għaliex l-artista Messikana Frida Kahlo, kienet tpitter lilha nnifisha ħafna drabi?

Bħal-lum 95 sena ilu (fl-1926), l-artista Messikana Frida Kahlo ndarbet serjament f’inċident tat-traffiku, u ‘tul il-perjodu li kienet f’konvalexxenza bdiet tpitter, tant li f’qasir żmien abbandunat il-pjanijiet tagħha biex tibda l-istudji għal tabiba.
Dakinhar, hi kienet riekba fuq tal-linja flimkien mal-maħbub tagħha Alejandro Gomez Arias. Madankollu, malli rikbu, Frida indunat li kienet tilfet l-umbrella u, peress li t-temp kien imsaħħab u tqil, niżlu minn fuq tal-linja biex ifittxu l-umbrella u rikbu oħra ftit wara, liema vettura kienet ippakkjata bl-uniċi postijiet battala jkunu fuq wara. Fi triqithom, tal-linja ħabtet ma’ karozza u poġġaman tal-azzar niffed lil Frida f’ġenbejha, tant li l-ispina tad-dahar u l-pelvi sfaw miksura. Kawża tal-ġrieħi serji li ġarrbet, Frida kellha tqatta’ għadd ta’ ġimgħat fl-isptar Red Cross tal-Messiku u malli rritornat id-dar, kellha tilbes body cast komplut għal tliet xhur sħaħ. Sabiex taljena rasha u tgħaddi l-ħin, kienet bdiet tesperimenta bl-arti u pittret lilha nnifisha għall-ewwel darba.
Frida kienet tistqarr li kienet tpitter lilha nnifisha għax ħafna mid-drabi kienet tinzerta waħedha u l-uniku suġġett li kienet taf fuq ponot subgħajha kien lilha nnifisha. L-inċident kien ħalla diversi passiġġieri mejta fuq il-post u oħrajn midruba serji tant li mietu ftit wara.
minn Benjamin Camilleri