Lara Michelle Camilleri
Ħinek tużahx biex tqabbel lilek innifsek ma’ ħaddieħor
Updated: Jun 12, 2021

Meta tqabbel lilek innifsek ma’ ħaddieħor tkun qed tistieden dwejjaq u ansjetà fuqek innifsek. Il-paragun ma’ ta’ ħdejk iwitti t-triq għall-għira, l-inferjorità u l-insigurtà, iċaħħdek milli tiffoka fuqek innifsek u minflok tagħżel li taħli l-enerġija tiegħek fuq dak li qed jagħmel ħaddieħor.
Minn ħarsa lejn il-midja soċjali, tintebaħ li l-messaġġ li qed nagħtu hemm barra hu li ħajjitna dejjem trid tidher isbaħ u iktar eċċitanti minn dik tal-oħrajn. Dejjem irridu nagħtu l-impressjoni li għandna l-aqwa ambjent tax-xogħol, l-ikbar dar, l-ifjen ilbies, l-iktar flus. Dejjem infittxu li nuru li ħajjitna hi miżgħuda b’attivitajiet ikkuluriti u b’kisbiet eċċezzjonali.
Madanakollu l-ferħ ġenwin m’intix se ssibu billi tgħarrex fuq ħajjet ħaddieħor u toqgħod fuq Facebook kontinwament biex tara kif tista’ tidher aħjar minn kulħadd. Dan it-tqabbil negattiv mhu se jwasslek imkien għajr li jġiegħlek tieħu deċiżjonijiet żbaljati li jkunu kapaċi jpoġġuk taħt stress akbar.
Meta tħares lejn dak li jagħmel ħaddieħor, tkun qed tara biss ir-riżultat imma mhux l-isforz li għamel biex wasal għalih. Għaldaqstant m’għandniex inqabblu l-istadju bikri tagħna mas-suċċess aħħari ta’ ħaddieħor għax naslu naqtgħu qalbna qabel ma nkunu biss bdejna. Ilkoll irridu ngħaddu minn mixja biex niksbu suċċess. Il-paragun joqtol dis-sbuħija tas-suċċessi.
Tħarisx biss lejn ir-ritratti. Ir-ritratti kapaċi jiżvijaw u jindikaw li ħajjitna donnha ġenna tal-art. Wara kull maskra li tintlibes hemm storja differenti; storja ta’ ferħ, paċi, uġigħ u diqa.
Ftakar li int m’intix ħaddieħor; int persuna unika, imżejna b’talenti, kapaċitajiet, dgħufijiet, suċċessi, u kwalitajiet individwali, li lkoll isawru dak li verament int. Ħaddieħor jaf jidher aktar b’saħħtu minnek minn barra, imma l-apparenza mhux neċessarjament tirrifletti l-ħsus moħbija fil-qalb.