top of page
ME
NU
  • Writer's pictureGħidli Mitejn

Il-Ħlejqa Msaħħra tal-Hena

Updated: Jun 14, 2021

It-tfittxija mwiegħra, is-sejbien hieni, u...!

Rakkont forma ta’ ħrafa minn Ġorġ Mallia.


Patrick Hendry - Unsplash

Id-demm kien ħiereġ gliegel issa mill-ġerħa li kien ċarrat ma’ blata ppuntata hu u jixxabbat mal-irdum li kellu jwasslu għall-bosk mudlam u t-tir tiegħu. Ma kellux biex jorbotha, u ħalla d-demm iċarċar. Fuq kollox, ma kinitx l-unika ġerħa li kien ġarrab f’dal-vjaġġ skabruż.


Rasu kienet imġelġla fejn ħabatha ma’ zokk ta’ siġra u spalltu kienet saret blu! Id-daqqa ta’ għasluġ mingħand ix-xiħ li ma ħax grazzja miegħu kienet qawwija, u stagħġeb kif l-għadma ma kinitx inkisret.


Imma issa kien laħaq l-aħħar biċċa tal-ħajt tal-irdum... l-aktar biċċa skabruża. Kien imdendel rasu ‘l isfel, ifittex qabda wara l-oħra mal-blat jiżloq. U għal daqsxejn ma ħadhiex għal isfel. Mill-inqas għaxar sulari sal-baħar jirbombja ta’ taħtu.


Imma rnexxielu u tela’ fuq l-irdum, u hemm quddiemu kien hemm il-bosk li kien qed ifittex. Passaġġ mudlam, mimli xewk li tertqulu ħwejġu, u b’ħafna ġebel ippuntat fl-art li qattgħulu ż-żarbun u l-qigħan ta’ riġlejh sa ma t-tnejn kienu ġerħa kbira tnixxi, u wasal fil-ftuħ imsaħħar li kien qara fuqu, u li tant bata biex sabu.


U hemm kienet il-ħlejqa msaħħra, bħal dawl qawwi fin-nofs. Ġera lejha u ħaddanha miegħu, u daħlet fih, u għal mument kien fil-ġenna. Il-ferħ sploda f’qalbu bħal murtal tal-bomba u ruħu werżqet b’hena kbir.


Imbagħad, u f’ħakka t’għajn, il-ħlejqa msaħħra sparixxiet f’daqqa. Filli berqa qawwija ta’ dawl, filli dlam ċappa, u l-ġenna ta’ ġo fih inbidlet f’infern mudlam.

Jibki biki ddisprat, dar u beda l-vjaġġ imwiegħer lura lejn ħajtu.


Grazzi għall-paġna ta' facebook Għidli Mitejn

bottom of page