Isma' Ftit
Il-konkwista Normanna li rabtet lill-Ingilterra politikament u kulturalment ma’ Franza

Bħal-lum 955 sena ilu (fl-1066), l-armata Normanna ta’ William, id-Duka ta’ Normandija (magħruf bħala “William the Conqueror”) bdiet taqsam il-baħar ta’ bejn Franza u l-Ingilterra, bit-tir ta’ konkwista.
Dan kien il-bidu tal-konkwista Normanna fl-Ingilterra, ġrajja li biddlet id-destin tal-Ingilterra. Jingħad illi William kien ġie mwiegħed mir-Re Ingliż il-wirt tal-kuruna tar-renju u, meta dan ma seħħx, iddeċieda li jieħu dak li kien tiegħu bil-forza. Wara l-battalja ta’ Hastings, li kienet rebħa għal William, huwa avvanza fuq Londra fejn ġie inkurunat re f’Westminster Abbey fil-jum tal-Milied ta’ dik l-istess sena – anki jekk ma kienx jaf jitkellem bl-Ingliż. Dan l-avveniment ġab miegħu bidliet kbar u għadu jitqies sal-lum bħala wieħed momentuż fl-istorja Ingliża.
Il-konkwista Normanna rabtet lill-Ingilterra politikament u kulturalment ma’ Franza, tant li anki l-lingwa Anglo-Sassona Ġermanika (l-Ingliż ta’ dak iż-żmien) ġiet gradwalment mibdula minħabba l-influwenza tal-lingwa Franċiża.
Minn Benjamin Camilleri