Isma' Ftit
Il-kowċis li l-aktar mexxew lil pajjiżhom

Xejn anqas minn 133 kowċ mexxew diversi nazzjonijiet fil-fażi finali minn kemm ilhom jiġu organizzati l-Kampjonati Ewropej.
Jekk wieħed isegwi ftit x’ġara fin-nazzjonijiet l-aktar segwiti mill-Maltin u l-Għawdxin insibu li l-aktar kowċ ta’ suċċess fit-tim nazzjonali Ingliż fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej huwa Roy Hodgson. Huwa mexxa u pprepara lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu għal tmien partiti, li minnhom rebaħ tlieta, ġie fi draw f’erba’ okkażjonijiet u tilef logħba waħda. Taħt it-tmexxija tiegħu fil-Kampjonati Ewropej, l-Ingliżi skurjaw disa’ gowls u qalgħu sebgħa. Hodgson irnexxielu jagħmel dan f’żewġ edizzjonijiet, fl-2012 u fl-2016. Warajh insibu lil Terry Venables li fl-edizzjoni tal-1996 kien mexxa u pprepara lit-three lions għal ħames partiti.

Didier Deschamps huwa l-kowċ li mexxa l-iżjed lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu f’edizzjoni waħda, proprju dik tal-2016. Taħt il-gwida tiegħu f’seba’ partiti, Les Bleus rebħu ħames logħbiet, ġew fi draw u tilfu darba biss. Franza, dejjem taħt it-tmexxija ta’ Deschamps, skurjat 13-il gowl u qalgħet ħamsa. L-aktar kowċ ta’ suċċess wara Deschamps hu Roger Lemerre hekk kif fl-edizzjoni tas-sena 2000 mexxa lil Franza sitt darbiet u minnhom rebaħ f’ħames okkażjonijiet.
Il-kowċ li l-aktar mexxa nazzjon fit-tul matul l-edizzjonijiet tal-Kampjonati Ewropej mhuwa ħadd ħlief Joachim Low – 17-il partita b’kollox fi tliet edizzjonijiet – 2008, 2016 u 2016. Low irnexxielu jirbaħ 11-il partita minn 17, ġie fi draw f’żewġ okkażjonijiet u tilef erba’ darbiet. Il-Ġermanja, fil-Kampjonati Ewropej, taħt il-gwida tal-Low, skurjat 27 gowl u qalgħet 16.
L-aktar żewġ kowċis li mexxew lill-Italja matul il-Kampjonati Ewropej huma Cesare Prandelli fis-sena 2012 u Dino Zoff fis-sena 2000. Kemm Prandelli kif ukoll Zoff mexxew lill-Italja sitt darbiet. Taħt it-tmexxija ta’ Zoff, l-Italja rebħet erba’ darbiet, filwaqt li tilfet u ġiet fi draw f’partita waħda biss. Min-naħa l-oħra, Prandelli rebaħ biss żewġ logħbiet, ġie fi draw fi tliet okkażjonijiet u tilef logħba waħda.
Bilanċ ukoll fit-tim Olandiż b’Dick Advocaat u Frank Rijkaard hekk kif huma żewġ kowċis li l-aktar mexxew lill-Olanda – ħames partiti kull wieħed. Filwaqt li Rijkarrd fis-sena 2000 rebaħ erba’ logħbiet, Advocaat fis-sena 2004 rebaħ partita waħda. Advocaat tilef darbtejn u ġie fi draw darbtejn ukoll filwaqt li Rijkaard ġie fi draw darba u ma tilef qatt.
Luiz Felipe Scolari huwa l-iżjed kowċ li qatt mexxa lill-Portugall fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropej – 10 darbiet b’kollox matul żewġ edizzjonijiet - fl-2004 u fl-2008. Matul dawn l-għaxar partiti, Scolari rebaħ ħames logħbiet, ġie fi draw darba u tilef erba’ darbiet. Warajh insibu lil Fernando Santos li mexxa lill-Portugall għal seba’ darbiet f’edizzjoni waħda, dik tal-2016.
L-aktar kowċ ta’ suċċess fit-tim nazzjonali Spanjol kien bla dubju Vicente Del Bosque li mexxa lil Spanja matul żewġ edizzjonijiet – fl-2012 u fl-2016. Minn għaxar logħbiet fil-fażi finali, Del Bosque rebaħ sitta, ġie fi draw darbtejn u tilef f’żewġ okkażjonijiet. Warajh insibu lil Miguel Munoz li mexxa lil Spanja għal tmien darbiet matul żewġ edizzjonijiet - tal-1984 u tal-1988.
Miktub minn Clinton Buhagiar