ME
NU
  • Isma' Ftit

Il-Kummissjoni Ewropea tirrevedi ‘l fuq it-tbassir ekonomiku għal Malta





Il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ‘il fuq it-tbassir ekonomiku għal pajjiżna għal din is-sena. Fis-‘Summer 2021 Economic Forecast’ li għadu kif ġie ppubblikat, l-esperti tal-Kummissjoni għollew it-tbassir tagħhom għat-tkabbir tal-ġid nazzjonali ta’ Malta fl-2021 minn 4.6% għal 5.6%.


Din ir-revizjoni ‘l fuq, ta’ punt perċentwali għal pajjiżna, hija ogħla minn dik magħmula għall-bqija taż-żona ewro, fejn it-tbassir tjieb b’nofs punt perċentwali, jew nofs il-bidla għat-tbassir għal pajjiżna. Ta’ min jinnota li kien hemm diversi pajjiżi fejn it-tbassir tal-Kummissjoni ma nbidilx ħafna.


L-esperti tal-Kummissjoni nnutaw li fl-ewwel kwart tal-2021 Malta diġà kisbet riżultati ekonomiċi aħjar milli previst. Din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex ħassew li kellhom jgħollu t-tbassir għal pajjiżna. Barra minn dan, innutaw kif l-ottimiżmu u l-kunfidenza fost in-negozji u familji tjiebet ħafna. Fattur ewlieni kien, “the high pace of vaccinations in Malta and the improvement in the public health situation”. Dan kollu wassal biex il-Kummissjoni tikkonkludi li, “economic activity is on a path to a solid recovery”. Element ieħor li jsemmu l-ekonomisti tal-Kummissjoni huwa titjib qawwi fil-konsum privat. Dan huwa kkawżat minn, “strong uptake of goverment-paid consumption vouchers”.

It-titjib ekonomiku mistenni jkompli jaċċellera fl-2022, meta l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’5.8% wara tkabbir ta’ 5.6% din is-sena. Fiż-żona ewro, minflok, it-tkabbir mistenni jonqos minn 4.8% għal 4.5%. F’Malta, is-sena d-dieħla, it-turiżmu mistenni jkompli jirranka, filwaqt li mistenni investiment qawwi kemm mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku. Fir-rigward tal-investiment pubbliku, l-esperti tal-Kummissjoni jsemmu l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru.


Il-gvern jilqa’ dan iċ-ċertifikat ieħor fir-rigward tat-tmexxija ekonomika ta’ pajjiżna u jinnota li dawn il-kummenti esperti jikkuntrastaw ħafna mad-diskors negattiv tal-Oppożizzjoni. Bit-tnedija tal-Pjan ta’ Rkupru, l-istrateġija ta’ wara l-COVID-19 u l-viżjoni ekonomika, in-negozji u l-familji f’pajjiżna jistgħu jħarsu ‘l quddiem lejn prosperità ġdida.


Sors: DOI

  • Facebook
  • Instagram

Isma' Ftit hu mmexxi minn turtle.mt.

Aħna niktbu dwar: ħsibijiet, riflessjonijiet, ġrajjiet kurrenti, arti, kitbiet, tagħlim u stejjer oħra li jnisslu pożittività.

© Isma' Ftit. Kull dritt riservat 2016 - 2021