Lara Michelle Camilleri
Il-maħfra tmur lil hinn milli sempliċement taċċetta apoloġija b’mod verbali.

Il-maħfra tmur lil hinn milli sempliċement taċċetta apoloġija b’mod verbali. Biex verament taħfer trid terħi r-rabja u l-ħsibijiet negattivi li jkunu qegħdin jifnuk filwaqt li tkun inti stess li toffri xi ħaġa pożittiva – empatija u kompassjoni - lil min ikun weġġgħek.
Studji juri li l-maħfra ġġib għadd ta’ benefiċċji, fosthom:
Tittaffa l-attività fiżjoloġika. Il-maħfra ttaffi t-tensjoni fil-muskoli, tbaxxi t-taħbit tal-qalb kif ukoll tbaxxi l-pressjoni.
Tnaqqas l-uġigħ emozzjonali – ir-rabja u d-diżappunt – kif ukoll l-uġigħ fiżiku, fosthom l-uġigħ fid-dahar.
Irqad ta’ kwalità aħjar u inqas għeja.
Inqas problemi relatati mas-saħħa mentali, inkluż l-istress.
Inqas sintomi ta’ dipressjoni u stima iktar għolja tiegħek innifsek.
Persuna li taħfer tkun iżjed kuntenta, f’saħħitha, paċi magħha nnifisha, kapaċi tidħol f’kompromessi u tistabbilixxi relazzjonijiet itwal u mill-qrib ma’ dawk ta’ madwarha.
Persuna li titlob il-maħfra filwaqt li tipprova ddewwi l-weġgħa li tkun ikkawżat lil ħaddieħor, tkun iktar kapaċi taħfer lilha nnifisha.
Il-maħfra tgħinek tgħix aktar fit-tul u b’mod seren. Jekk tixtieq taħfer lil xi ħadd, tibqax tħares lejk innifsek bħala l-vittma. Irrifletti fuq il-valur tal-maħfra u l-importanza li tagħtih f’ħajtek. Irrifletti wkoll fuq ir-reazzjoni tiegħek għall-weġgħa li ġarrabt u kif din affettwatlek saħħtek u l-benessri tiegħek. Fl-aħħar mill-aħħar, meta tħossok lest, kun inti stess li tiddeċiedi attivament li taħfer li dak li naqsek.