Isma' Ftit
Il-moħħ wara The X Factor u Got Talent

Bħal-lum 62 sena ilu (fl-1959), twieled l-imprenditur Ingliż, il-produttur televiżiv u l-personalità Simon Phillip Cowell, magħruf għall-kritika bla kantunieri li jagħti lill-kontestanti waqt il-produzzjonijiet The X Factor UK, Pop Idol, Britian's Got Talent, The X Factor US, American Idol u America's Got Talent.
Wara li kien telaq mill-iskola fl-età ta' 16-il sena, Cowell kien tqabbad jaħdem fl-uffiċċju tal-posta fl-EMI Music Publishing u, fl-1979, ingħata l-opportunità li jiskopri kantanti li setgħu jkantaw kanzunetti ġodda li jkunu għadhom kif ġew imnedija. Fl-1985, issieħeb ma' ħabib tiegħu biex flimkien iwaqqfu Fanfare Records, madankollu, is-suċċess dam biss għal erba' snin. Iktar tard dik is-sena, BMG Records impjega lil Cowell bħala konsulent tal-artisti u r-repertorji mużikali. Il-prominenza tiegħu fil-pubbliku bdiet fl-2001 hekk kif kien wieħed mill-ġurija ta' Pop Idol, produzzjoni tiegħu u, primarjament, ta' Simon Fuller, li xxandret fuq ITV. Sussegwentement, Cowell ħoloq il-franchises The X Factor u Got Talent li nbiegħu madwar id-dinja. Is-suċċess li ħafna mill-artisti kienu kisbu permezz tiegħu stabbilixxieh bħala personalità influwenti u b'saħħitha fid-dinja tal-mużika popolari.
Fil-fatt, fl-2004 u l-2010, il-magażin Time semma lil Cowell fost l-iktar mitt persuna influwenti fid-dinja. Cowell ipproduċa u ppromwova għadd ta' albums u singles għal artisti li kien ħa ħsieb hu stess, fosthom, Little Mix, James Arthur, Leona Lewis, Olly Murs, Cher Lloyd, Susan Boyle, One Direction u Westlife.
Minn Benjamin Camilleri