top of page
ME
NU
  • Writer's pictureIsma' Ftit

Il-Prietka tal-Abbati - Kanzunetta dwar kif in-nies tintebaħ bin-nuqqasijiet u d-dgħufijiet tagħha


B’risq id-Dar tal-Providenza

Il-lirika Il-Prietka tal-Abbati, miktuba minn Lara Michelle Camilleri, b’kompożizzjoni ta’ Neil Zammit u b’interpretazzjoni vokali ta’ Michaela Agius, tittratta dwar kif il-ġemgħa, sforz id-drawwiet li trabbiet fihom matul iż-żmien, issib postha għall-quddiesa tal-Milied ta’ nofsillejl, u minkejja li qed tirrepeti xi talb li jkun qiegħed jingħad, qajla tifhem is-sinifikat tiegħu. Kliem l-abbati, waqt il-prietka tiegħu, jiffoka fuq kif in-nies abbandunat lil Alla u nħliet fl-ipokresija, fis-suppervja u l-artifiċjalità, tant li spiċċat warrbet il-preżenza t’Alla bil-mod il-mod minn ħajjitha. L-abbati jkompli jgħid kif in-nies bdiet kulma tmur titbiegħed mill-valuri, tant li, permezz tal-azzjonijiet tagħha stess, id-dinja sfat vittma intortament. Madankollu, permezz tal-prietka tal-abbati, in-nies tintebaħ bin-nuqqasijiet u d-dgħufijiet tagħha tant li twiegħed li se terġa’ tilqa’ lil Alla fi ħdanha.

Il-liriċista, li kienet ukoll il-moħħ wara dal-proġett, ispirat ruħha mid-dinja ta’ madwarha; dinja fejn il-bniedem bħal donnu tilef kull sens ta’ direzzjoni, ta’ prijorità, ta’ dinjità u ta’ valur; dinja fejn il-bniedem li warrab lil Alla u pprova jqiegħed prijoritajiet oħra qablu, qiegħed issa jduq it-togħma morra li qed jesperjenza mill-frugħa tal-hekk imsejħa “prijoritajiet” li għażel hu stess.


Sabiex jikkumplimenta l-kanzunetta nħoloq ukoll vidjow mużikali b’direzzjoni ta’ Gilbert Mallia u bi ġbid tal-filmat u muntaġġ ta’ Karl Schembri.


Bi qbil ma’ Father Martin Micallef, din il-kanzunetta se tkun tista’ tindaqq ukoll waqt il-maratona tal-Ewwel tas-Sena b’risq id-Dar tal-Providenza.

bottom of page