top of page
ME
NU
  • Writer's pictureIsma' Ftit

Il-proġett tas-Soup Kitchen fil-Belt Valletta jitlesta permezz ta’ fondi mill-Awtorità tal-Ippjanar


Ritratt: Arc Studio Periti

Permezz tal-appoġġ finanzjarju tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-komunità Franġiskana kellha l-opportunità li tirrestawra u tirrijabilita refettorju antik li jinsab fil-Kunvent tal-Franġiskani fi Triq Sant’Ursula biex ikun post ta’ tama għal persuni li jgħixu fil-periferija tas-soċjetà.


Apparti li joffri lil dawn in-nies ikla ta’ kuljum u bżonnijiet fiżiċi oħra, il-post se jipprovdi wkoll lil dawn il-persuni bl-appoġġ u l-attenzjoni meħtieġa, speċjalment għal dawk li għandhom sfidi ta’ saħħa mentali. Dan il-post se jkun fuq kollox qed ifittex li jagħti lin-nies li huma emarġinati mis-soċjetà ċ-ċans li jerġgħu jiksbu d-dinjità tagħhom.



Il-proġett jinkludi r-restawr tas-sala ewlenija bħala żona tal-ikel, kċina għall-preparazzjoni tal-ikel, uffiċċju żgħir, post għall-ħażna, kamra għall-ħasil u faċilitajiet sanitarji. Ladarba miftuħa, din is-Soup Kitchen se topera għal tlett ijiem fil-ġimgħa, iżda eventwalment tespandi l-operat tagħha għal ħamest ijiem fil-ġimgħa.

Il-Perit Vincent Cassar, Chairperson tad-DPF qal li, “Dan huwa proġett nobbli għaliex mhux biss qed nagħtu fondi biex nippreservaw dan il-bini storiku, imma grazzi għal Fr Marcellino u l-Ordni Franġiskana qed noffru dinjità u ambjent sigur lil nies bi sfidi differenti. “Dan il-proġett ikompli juri l-impenn tal-Awtorità li tappoġġja proġetti b’risq il-komunità u li jfittxu li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità u tar-residenti fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.”

“L-għan tagħna hu li noffru dinjità lil kull persuna li tiġi żżur dan il-post, hi min hi. L-iskop tagħna hu li nagħmlu l-isforzi tagħna lil dawk kollha li jitolbuna l-għajnuna. Nixtiequ li natuhom vuċi, nisimgħu l-istorja tagħhom, nitgħallmu mill-esperjenzi tagħhom mingħajr ma niġġudikawhom u nipprovaw nifhmu il-ħtiġijiet tagħhom,” stqarr il-koordinatur tal-proġett Fr Marcellino.


Sors: DOI

bottom of page