Għidli Mitejn
Iljieli Jwennes il-Baħħ
Sitwazzjoni li jgħaddu minnha ħafna, deskritta tajjeb ferm minn Sergio Grech.

Din li ma jistax jorqod kienet qed ixebbgħu sal-ponta ta’ mnieħru.
Kien ilu żmien issa ma jorqod.
Sa ftit ilu, ir-raqda kienet tiġi naturali.
Sa fejn jaf hu, lanqas tgħid kellu xi nkwiet li kien qed ixekklu milli jorqod.
Kuljum lejl wara lejl għajnejh mimlija dmugħ u ngħas, u hu xejn. Jistenna fuq l-imħadda biex jorqod, iżda ma jorqodx. Kien forsi jitlaq għal dik in-nofs siegħa qabel idoqq l-iżveljarin filgħodu imma l-bqija xejn.
Kien qed jirreżisti li jmur għand it-tabib. Ma riedx li jimlieh bil-pilloli biex jorqod. Ried minn rajh, il-moħħ jitfi u ġismu jitlaq fid-dinja msaħħra tal-ħolm.
Kultant kien jixtieq lil ommu tbennu biex jorqod jew tkantalu xi għanja. Kien jixxennaq għaliha tivvintalu minn żniedha xi storja u, hu bla ma jaf kif tispiċċa l-ġrajja, kien jisgiċċa f’raqda twila li tibqa’ sejra sal-għada sakemm tqajmu hi. U ġieli tant kien jorqod fil-fond li kien jispiċċa jawrina taħtu u jimla kullimkien u ommu ħalliha tkanta l-matutin!
U issa, kull lejl jiġi jżuru l-baħħ.
Jitfi kemm jitfi fid-dlam, ma kien jinbidel xejn. Kien ippospona ċ-ċena tard. Qata’ l-kafè wara s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.
Imma kollox baqa’ li kien.
Iljieli twal bla rqad.
Miegħu jakkumpanjah il-baħħ. Il-baħħ etern.
Grazzi għall-paġna ta' facebook Għidli Mitejn