Lara Michelle Camilleri
Illum għandek mija, għada m’għandek xejn

L-isbaħ affarijiet tal-ħajja jmorru lil hinn minn dawk materjali. L-isbaħ affarijiet tal-ħajja ma jiswewx flus. L-isbaħ affarijiet tal-ħajja jafu jkunu qribna l-ħin kollu mingħajr ma nkunu għadna ntbaħna bil-valur imprezzabbli tagħhom.
Għala għandna napprezzaw l-iċken affarijiet tal-ħajja?
Il-ħajja taf taqbadna fuq sieq waħda. Xi ħaġa taf tmurilna żmerċ u tasal tibdilna mil-lum għall-għada. Apprezza l-fatt li taf tqum mis-sodda waħdek, li għandek il-lussu li tmanti lilek innifsek u tilbes mingħajr għajnuna, li taf tesprimi ħsibijietek, li mdawwar b’nies li tħobbok u tirrispettak. Fakkar lilek innifsek li int l-aqwa sinjur, żgħir kemm hu żgħir u kbir kemm hu kbir il-ġid li għandek.
Meta nżommu f’moħħna s-sbuħija tal-iċken affarijiet tal-ħajja, niddeludu ruħna bil-wisq inqas għax ikollna inqas aspettattivi għoljin u għaldaqstant ħafna inqas ansjetà.
Meta nsibu l-kuntentizza fis-sempliċità, inkunu qed ngħinu lilna nfusna biex nibqgħu umli ma’ ta’ madwarna filwaqt li fina tkun qed titnissel paċi dejjiema.
Il-ferħ li nħossu m’għandux jiddependi minn avvenimenti li jagħtuna pjaċir ta’ ftit minuti. Esperjenzi, avventuri u sfidi ġodda li huma ta’ darba f’ħajjitna jqanqluna bil-bosta aktar u b’mod naturali nemmnu li dawn l-esperjenzi għandhom ikunu rikki u aqwa minn kull avveniment ieħor. Madanakollu, hemm lok fejn nitgħallmu li jaf ikun hemm affarijiet iżgħar b’valur akbar.
Minkejja li l-apprezzament tal-iċken affarijiet tal-ħajja mhux se jipprevjeni inċidenti u avvenimenti ta’ delużjoni milli jseħħu, dan l-apprezzament jgħinna nkunu pożittivi u niffukaw fuq kulma jimla ’l qalbna b’ferħ ġenwin.
Għaldaqstant għandna nkunu konxji tal-iżjed affarijiet li huma essenzjali f’ħajjitna. Jekk m’għandniex apprezzament ta’ dan, ifisser li aħna maqtugħin minna nfusna u għandna bżonn nindagaw iktar biex insibu dak li jserraħna u jnissel fina l-isbaħ tbissima.