Isma' Ftit
Illum Malta tiċċelebra Jum il-Vitorja fejn jitfakkru tliet rebħiet importanti fl-istorja ta’ Malta

Illum Malta tiċċelebra Jum il-Vitorja (jew l-Otto Settembre), festa pubblika li taħbat ukoll mal-festa Kattolika tal-Bambina (it-twelid tal-Madonna).
F’dan il-jum jitfakkru tliet rebħiet importanti fl-istorja ta’ Malta li kollha seħħew f’dan ix-xahar. L-ewwel waħda hija r-rebħa tal-1565 meta l-Maltin, flimkien mal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, irnexxielhom jirreżistu l-invażuri Ottomani u b’suċċess keċċewhom minn Malta. It-tieni rebħa hija dik tal-1800 meta l-okkupazzjoni Franċiża ta’ Malta (li kienet bdiet bl-invażjoni ta’ Napuljun Bonaparti fl-1798) ġiet fi tmiemha wara li l-poplu Malti rnexxielu jwettaq rewwixta b’suċċess. It-tielet rebħa mfakkra hija dik tal-1943 meta, fit-Tieni Gwerra Dinjija, l-Italja sa fl-aħħar talbet il-paċi mal-Alleati u ċediet il-flotta tagħha f’Malta, li kienet sofriet tant fis-snin ta’ qabel.
Dawn it-tliet rebħiet storiċi, li nkisbu b’sagrifiċċju u tbatija kbira, ikkontribwixxew ħafna biex sawru l-identità tal-poplu Malti.
Minn Benjamin Camilleri