top of page
ME
NU
  • Writer's pictureIsma' Ftit

L-ewwel Remote Working Policy fis-Servizz Pubbliku


Ritratt minn Omar Camilleri

Bilanċi ġodda bejn ħajja u xogħol

Ġiet ippubblikata l-ewwel ‘Remote Working Policy’ għas-Servizz Pubbliku. Din il-policy waslet kif imħabbar fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021 wara esperjenzi minn proġett pilota mibdi fl-2019 u l-esperjenza tal-imxija Covid-19.

Din il-policy se tkun qed toffri flessibilità sħiħa lil impjegati tas-Servizz Pubbliku, biex fuq bażi regolari jwettqu xogħolhom minn postijiet differenti lil hinn mill-uffiċċju formali tagħhom.


Filwaqt li l-policy tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Ottubru li ġej, se jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 18-il xahar sabiex issir il-qabża mis-sistema tat-teleworking eżistenti għar-remote working policy, kif ukoll jilħqu jsiru t-tibdiliet kollha meħtieġa mill-aspetti ta’ tagħmir u taħriġ.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li din il-policy hija frott diversi xhur ta’ xogħol. “L-ewwel permezz ta’ proġett pilota, imbagħad b’analiżi tal-andament tax-xogħol waqt l-imxija, u wara minn working group maħtur apposta biex din il-policy tkun tista’ titfassal. Nemmen bis-sħiħ li din il-policy se tkompli tissiġilla lis-Servizz Pubbliku bħala leader ewlieni fil-pajjiż fejn jidħol il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol għall-impjegati”, qal is-Sur Cutajar.

Il-policy mnedija llum se tagħmilha possibli biex mhux biss individwi jinqelbu jaħdmu remotament imma anke sezzjonijiet u dipartimenti sħaħ.

Ir-Remote Working Policy ddaħħal ukoll gwidi biex tassigura standards professjonali fl-ogħti tas-servizz, il-protezzjoni tad-data, il-benesseri tal-impjegat u t-tagħmir teknoloġiku, kif ukoll biex ikunu mħarsa liġijiet, policies u ftehim settorali fis-seħħ. Il-policy se tħaddan il-prinċipju tar-right to disconnect.

Taħriġ speċifiku, kemm mill-aspett ta’ management u kemm mill-aspett ta’ teknoloġija, se jingħata mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, kemm lill-impjegati kif ukoll lill-kapijiet, u dan biex jiżdied l-aċċess għal din is-sistema ġdida tal-mod kif jaħdem is-Servizz Pubbliku.

Ir-Remote Working Policy hi disponibbli fuq is-sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku.


Sors: DOI

bottom of page