Għidli Mitejn
In-Numericus

Fejn jidħlu n-numri u kulma kellu x’jaqsam magħhom ma kontx tilgħablu. Tant li s-Seminarju kienu qalgħuhielu n-numericus.
Bin-numri taf fejn int. Ifissru l-istess dejjem u għal kulħadd. Il-wieħed wieħed, u l-għaxra għaxra. M’hemmx lok ta’ interpretazzjoni. In-numri tat-telefown tal-qraba u l-ħbieb kien jgħidhomlok bl-amment. Bħalma ma kontx tilgħablu għall-aniversarji. ’Bħal-lum miet in-nannu Alla jaħfirlu. Fit-tmintax ta’ Jannar tan-97.’
Kien isellem lil xi ħadd ġo karozza mhux għax jagħrfu, imma għax jagħraf in-number plate. Għall-arloġġ imbagħad qisu kellu ċippa f’moħħu. Kien ikun jaf il-ħin eżatt mingħajr ma jħares. ’Bħalissa xi d-disgħa neqsin għaxra.’ U meta jiċċekkja isibhom 08.50. Eżatt. Meta jitla’ xi turġien għall-ewwel darba kien jgħoddhom huwa u tiela’. U ġieli anki taha li jgħodd il-passi huwa u sejjer xi mkien.
Darba minnhom ħareġ jimxi. Ħares lejn il-mowbajl. U ra d-data. 15. Il-ħin kien 06.38. U ċ-charge 73%. It-temperatura uriet 14. ‘Imma ma jistax ikun.’ Ħass iktar kesħa minn hekk. Faċċata kien hemm spiżerija b’tabella tixgħel u titfi ħadra u ħamra u turi d-data, il-ħin u t-temperatura. Qatagħha li jaqsam u jmur jiċċekkja. Niżel il-bankina u mat-tielet pass sema’ ħoss qawwi ta’ brejkijiet, daqqa tajba imbagħad dalma. Ix-xufier tal-110 niżel jiġri minn ġo tal-linja maqtugħ u malajr malajr ċempel 112.