top of page
ME
NU
  • Writer's pictureGħidli Mitejn

It-Testment



Mela, darba waħda, Frans sema’ lil ommu u lil Spira l-Ispiżjara jitkellmu fuq it-testment. Ġietu l-kurżità xi tfisser sewwasew il-kelma testment u qabeż qabża s’għand in-Nutar Vella biex jispjegalu aħjar.


“Possibbli ma tafx x’inhu testment?” staqsieh in-Nutar xi ftit mistagħġeb. “Le, ma nafx x’inhu sewwasew,” wieġbu Frans. “Jien it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid biss naf x’inhuma.”


“Imma dawk m’ghandhomx x’jaqsmu mat-testment li qed tirreferi għalih inti,” kompla n-Nutar. “Ara Frans, it-testment huwa dikjarazzjoni bil-miktub ta’ lil min se tħalli l-affarijiet tiegħek wara mewtek.”


Frans qagħad jaħseb ftit, imbagħad qallu: “Jien għandi affarijiet xi nħalli wara mewti, u nixtieq nagħmel testment issa stess.’’


“Kollox sew, mela!” ħatfu n-Nutar filwaqt li qabad karta u pinna. “Niżżel hekk Sur Nutar,” issokta Frans. “Il-kalzetti u l-flokkijiet ta’ taħt se nħallihom lill-Kok ta’ fejn naħdem jien, il-ġlekkijiet u l-qliezet se nħallihom lis-Sagristan, il-gvieret se nħallihom lil kuġinuwi Peter, il-lożor tas-sajf se nħallihom liz-zija Pawla t'Għawdex ...’’


Frans kompla għaddej bil-lista tal-oġġetti sakemm fl-aħħar, in-Nutar qatagħlu kliemu u qallu ‘’Dawn mhumiex l-affarijiet li għandhom jitniżżlu fit-testment. Ara, Frans, fit-testment affarijiet li għandhom valur bħal postijiet, flus u għamara għandhom jitniżżlu.’’


Imbagħad Frans wieġbu fil-pront: “Flus ftit għandi, id-dar bil-kera u l-għamara t’ommi.”


“Mela, allura tagħmilx testment għalissa, imbagħad ara 'l quddiem,” żied in-Nutar.

Frans qam minn postu, staqsa lin-Nutar jekk kellux jagħtih xi ħaġa u meta n-Nutar qallu le, sellimlu u telaq ‘l hemm. Qatt iżjed ma mar fl-uffiċċju tiegħu u t-testment m'għamlu qatt.


Grazzi għall-paġna ta' facebook Għidli Mitejn

bottom of page