Isma' Ftit
Kate Winslet illum tagħlaq 46 sena

Bħal-lum 46 sena ilu (fl-1975), twieldet l-attriċi Ingliża Kate Elizabeth Winslet, magħrufa għall-karattri spiritużi, preminenti u determinati li tinterpreta. Winslet trabbiet f’familja kollha atturi. Ta’ età żgħira, bdiet tieħu sehem f’reklami, programmi televiżivi u reċti fuq il-palk.
L-ewwel irwol prinċipali li qatt ingħatat kien fil-film Heavenly Creatures ta’ Peter Jackson, fl-età ta’ 17-il sena. Sena wara, minkejja li Winslet ma kinitx għadha daqshekk magħrufa, kienet ingħatat parti prinċipali fil-film Sense and Sensibility, bħala Marianne Dashwood, tant li kienet kisbet British Academy Award u ġiet innominata bħala Best Supporting Actress fl-Oscars. L-irwol li kien ittrasforma lil Winslet fi stilla internazzjonali kien dak ta’ Rose DeWitt Bukater f’Titanic ta’ James Cameron. Inizjalment, Cameron ma xtaqx jagħti l-irwol lilha hekk kif kien jippreferi lil Claire Danes u Gwyneth Paltro, madankollu, Winslet kienet talbitu bil-ħniena biex jagħtiha l-irwol tant li qaltlu, “Inti ma tifhimx! Jien Rose! Ma nafx għala qed tikkunsidra lil ħaddieħor!” Filfatt, l-insistenza tagħha ġegħlitu jagħtiha l-parti. Matul l-iffilmjar, Winslet batiet ħafna hekk kif kważi għerqet, qabditha l-influwenza, sofriet minn ipotermja u sfat imbenġla f’idejha u fl-irkupptejn.
Ix-xogħol kontinwu li kienet tirrikjedi l-parti taha permess torqod għal erba’ sigħat biss kuljum, tant li Winslet kienet tħossha kontinwament eżawrita.
Minn Benjamin Camilleri