top of page
ME
NU
  • Writer's pictureClayton Saliba

Kif tista’ tagħmel il-ġurnata tiegħek aħjar ftit ftit kuljum?



Li aħna neżistu, jew li aħna nqumu kull filgħodu, hu rigal mogħti lilna ta’ kuljum. M’hemmx rigal isbaħ mis-sbuħija tal-ħajja u mis-sbuħija interna tagħna. Ta’ kuljum nistgħu nibdew mill-ġdid. Għalhekk għandna naħdmu u nagħmlu dak li nistgħu biex ħajjitna nagħmluha isbaħ. Ma’ kull jum li jgħaddi għandna niżirgħu il-frott ta’ dik il-ħidma biex intejbu l-ħajja tagħna u ta’ madwarna.


Tinstema’ faċli, però, b’ħidma żgħira u kontinwa, biż-żmien tiġi r-rutina naturali ta’ kuljum. Sib mumenti fil-ġurnata sabiex tibbilanċja dawk l-esperjenzi negattivi ma’ azzjonijiet tajba li tista’ tagħmel. Eżempju, għal kull kumment li weġġgħek, prova għaddi kumpliment pożittiv u mistħoqq lil xi ħadd. Veru li qajla jkollok aptit tagħmel dan, speċjalment meta tkun għadek kemm tkissirt b’kumment żejjed ta’ xi ħadd, però mhijiex impossibbli.


Agħmel djarju u sib mument matul il-jum biex tikteb dwar kif għaddiet il-ġurnata, x’għamilt, xi stajt għamilt aħjar, u anke dwar il-ħsibijiet tiegħek. Agħmel pjan biex tesegwixxi dawk l-affarijiet li dejjem xtaqt tagħmel u li forsi ma kellekx il-ħin jew il-mezzi biex tagħmel fil-passat. Dejjem ftakar biex tagħmel kollox bi mħabba u b’passjoni.



Imxi fuq dawk il-passi li jagħmluk kuntent u aħdem fuq dak li jħeġġek u jimmotivak. Ħu ħsieb l-affarijiet iż-żgħar matul il-jum għaliex mill-affarijiet iż-żgħar jiġu l-kbar. Tibżax teżamina l-kuraġġ tiegħek. Il-ħajja qasira, imma twila biżżejjed biex tgħix ħajtek b’mod altruwist u seren.


Tkellem dwar l-affarijiet li huma importanti għalik u torqodx fuqhom. Agħmel dawk l-affarijiet li jdawlulek ħajtek u jgħinuk fi triqtek. Għix ħajtek u agħti kull ġurnata l-valur tagħha. Emmen fil-kapaċità tiegħek u bir-riżultati li tista’ tikseb. Issorprendi lilek innifsek billi tiskopri qawwiet ġodda ġewwa fik kuljum.


bottom of page