Isma' Ftit
Kranju moħbi f’bir iwassal għal skoperta ta’ speċi umana ġdida

Kranju li kien moħbi minn familja għal madwar 90 sena, jista’ jkun iċ-ċavetta biex jgħin riċerkaturi jidentifikaw speċi ġdida umana. Dan il-kranju kien mogħti lil mużew tal-Università ta' Shijiazhuang fiċ-Ċina tliet snin ilu u għadhom kemm ġew żvelati r-riżultati tiegħu. Dawn il-fossili huma parti minn speċi ġdida tal-grupp Homo longi jew Dragon Man u r-riċerkaturi jgħidu li hu l-eqreb antenat tagħna.
L-Homo longi jiġi eqreb min-Neanderthals jew l-Homo erectus skont dan l-istudju
li ġie ppubblikat fir-rivista The Innovation. Din hi aħbar kbira li se tbiddel dak kollu li tgħallimna dwar l-evoluzzjoni tal-bniedem.

Dan il-kranju hu l-iktar wieħed intatt li nstab s’issa u r-riċerkaturi fiċ-Ċina kienu mistagħġba bid-dettalji li għadhom ippreservati. Il-kranju ta’ dan l-ispeċi juri l-għadam tal-ħuġbejn eħxen minn tal-bniedem, juri l-ħofor tal-għajn iktar kwadrati, ħalq usa’ u snien ikbar. Il-kranju wkoll hu ikbar mis-soltu meta kkumparat mal-ispeċi umana, għalkemm il-moħħ jidher tal-istess volum tal-bniedem tal-lum.
L-iktar ħaġa kurjuża hi kif instab dan il-kranju hekk kif kien moħbi għal tul ta’ żmien. Xi ħaddiema kienu sabu dan il-kranju fl-1933 meta kienu qed jaħdmu fix-xmara Songhua f’Harbin li tfisser ix-Xmara tad-Dragun l-Iswed, mnejn ingħata wkoll it-titlu ta’ din l-ispeċi Dragon Man. F’dak iż-żmien din il-parti taċ-Ċina kienet taħt il-ħakma Ġappuniża u biex dan il-kranju jinżamm ’il bogħod mill-Ġappuniżi, wieħed minn dawn il-ħaddiema rnexxielu jaħbih f’bir ta’ dar għal 80 sena. Ġara, li fuq is-sodda tal-mewt fl-2018 dan il-ħaddiem kien qal lin-neputi tiegħu b’din l-istorja u hemmhekk kien meta dan kien ħa dan il-kranju ġewwa mużew biex ikun jista’ jiġi studjat.