Isma' Ftit
Kylie Grech rebbieħa tal-Premju Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2021

Kylie Grech, studenta mill-Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja Ħal Kirkop, hija r-rebbieħa tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2021 organizzat mill-Laboratorju tal-Paċi.
Din it-tfajla ta' kuljum tagħti s-sapport tagħha lil ħabiba tagħha, Valentina Mifsud, li għandha sfidi ta' komunikazzjoni.
Waqt iċ-ċerimonja fil-Palazz ta' Sant'Anton, il-President ta' Malta George Vella ppreżenta l-midalja lil Kylie Grech.
“Kylie u Valentina wrewna tip ta' tjubija li għandha sservi ta' tagħlima u eżempju għalina lkoll", stqarr il-President George Vella. Fid-diskors tiegħu, il-President tkellem dwar l-għaqda nazzjonali li fisser kif tintwera wkoll f'għemejjel żgħar bħalma huma ta' Kylie u Valentina.
Il-President stqarr li l-għaqda mhijiex għażla iżda bżonn u fisser kif jemmen bis-sħiħ li huma l-valuri tar-rispett, l-empatija u l-imħabba li jwasslu għall-għaqda.
Il-President irringrazzja lil Patri Dijonisju Mintoff li, għal snin twal, ħa ħsieb f'isem il-Laboratorju tal-Paċi jorganizza dan il-premju b'tifkira ħajja għall-Papa Ġwanni XXIII—il-Papa twajjeb.
Waqt iċ-ċerimonja kien deskritt kif Kylie għenet ħafna lil Valentina mhux biss fis-suġġetti akkademiċi, iżda wkoll biex tgħin lil Valentina tesprimi ħsibijietha. Konsegwenza t'hekk, Valentina mtliet bil-kuraġġ u b'aktar inizjattivi minn Kylie stess, anke waqt il-pandemija tal-Covid-19, Valentina kompliet tersaq aktar qrib ta' sħabha.
Min-naħa tiegħu, Patri Dijonisju Mintoff, Direttur tal-Laboratorju tal-Paċi, enfasizza l-ħtieġa ta' edukazzjoni biex sa minn età żgħira t-tfal jitgħallmu jkunu altruwisti f'għemilhom.
Sors: DOI