top of page
ME
NU
  • Writer's pictureLara Michelle Camilleri

L-ewwel 'Fake News' fl-istorja tal-ġurnaliżmu



Bħal-lum 186 sena ilu (fl-1835), il-gazzetta The Sun ta’ New York ippubblikat l-ewwel artiklu falz minn sitta fejn intqal li l-astronomu Ingliż John Herschel kien osserva kull tip ta’ ħajja fuq il-qamar, inkluż kreaturi umani twal madwar erba’ piedi u bil-ġwienaħ.


Kollettivament, l-artikli, li suppost kienu meħuda mill-Journal of Science ta’ Edinburgh, bdew jissejħu The Great Moon Hoax hekk kif, allegatament, kollega ta’ Herschel, Dr Andrew Grant, beda jiddeskrivi b’mod falz il-forom ta’ ħajja fuq il-qamar. Fost l-oħrajn, Grant kien semma li nstabet evidenza li fuq il-qamar jabitaw il-unicorns, il-kasturi u tip ta’ umani bil-ġwienaħ bħal donnhom friefet il-lejl. Barra minn hekk, l-artikli kienu taw deskrizzjoni ħajja tal-ġeografija tal-qamar, bil-kristalli, bix-xmajjar, bil-krateri massivi u bil-veġetazzjoni kotrana.


Madankollu, aktar tard kien ġie skopert li Grant kien karattru fittizju u li l-artikli kienu nkitbu b’mod satiriku biex iwaqqgħu għaċ-ċajt xi spekulazzjonijiet li kienu għamlu dwar ħajja ekstraterrestri fuq il-qamar.

bottom of page