Isma' Ftit
L-ewwel liġijiet Nażisti u razzisti li laħqu l-kulminu tagħhom fl-Olokawst.

Bħal-lum 86 sena ilu (fl-1935), għaddew il-liġijiet ta’ Nürnberg maħluqa minn Adolf Hitler, li kienu fost l-ewwel liġijiet Nażisti u razzisti li laħqu l-kulminu tagħhom fl-Olokawst.
Dawn il-liġijiet, li għaddew fil-Ġermanja, kienu jċaħħdu lil-Lhud miċ-ċittadinanza Ġermaniża, kif ukoll kienu jipprojbixxu żwieġ jew relazzjonijiet sesswali bejn Lhud u ċittadini tal-Ġermanja jew il-qraba tagħhom. Il-liġijiet ta’ Nürnberg kienu ġew approvati mill-Partit Nażista waqt konvenzjoni f’Nürnberg. Reichsbürgergesetz, li kienet il-liġi tar-Reich Citizen, obbligat liċ-ċittadini kollha biex ikollhom demm Ġermaniż, u dan kien ifisser li l-Lhud, fost oħrajn, ġew imċaħħda mid-dritt taċ-ċittadinanza, b’riżultat li mhux talli sfaw mingħajr id-dritt tal-vot iżda wkoll mingħajr stat. Dan kien ifisser ukoll li huma ma setgħu qatt jakkwistaw passaport validu biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw bejn pajjiż u ieħor jew jiksbu visa biex jitilqu mill-Ġermanja.
Għaldaqstant, bl-għan li d-demm Ġermaniż jiġi ppreservat u jibqa’ pur sabiex ikun hemm kontinwità fl-eżistenza tal-poplu Ġermaniż, il-Partit Nażista għadda t-tieni liġi - Blutschutzgesetz - li kienet il-liġi li tipproteġi d-demm u tipprojbixxi ż-żwiġijiet imħallta.
Minn Benjamin Camilleri