Isma' Ftit
LEGO bi briks ġodda magħmula minn fliexken tal-plastik irriċiklati
Updated: Jul 4, 2021

Il-manifattur Daniż tal-ġugarelli LEGO hu magħruf mad-dinja kollha għall-produzzjoni ta’ briks tal-plastik ikkuluriti. Dan l-aħħar, din id-ditta miexja għall-produzzjoni ta’ briks u ġugarelli aktar sostenibbli.
Fl-2018, il-kumpanija żviluppat l-ewwel kollezzjoni sostenibbli tagħha li qatt saret mill-kannamieli, u issa, LEGO marret saħansitra lil hinn fil-missjoni tagħha li tnaqqas l-iskart tal-plastik. Fil-fatt, din id-ditta reċentement ħarġet prototip ta’ briks magħmul minn fliexken tal-plastik irriċiklati – l-ewwel prodott tal-LEGO li hu magħmul minn materjal irriċiklat.
Tim ta’ aktar minn 150 persuna ilhom jaħdmu matul l-aħħar tliet snin fuq l-iżvilupp ta’ dan il-prototip. Huma ttestjaw aktar minn 250 materjal tal-PET (polyethylene terephthalate) u bosta formuli oħra tal-plastik sabiex isibu materjal li jissodisfa l-livell ta’ kwalità u sigurtà tal-kumpanija. Wara ħafna studju ġie deċiż li jintuża plastik tal-PET minn fliexken mormija fl-Istati Uniti. Bħala medja, flixkun tal-PET ta’ litru tal-plastik jipprovdi biżżejjed materja prima għal għaxar briksiet LEGO ta’ 2ċm b’4ċm. Biex isir dan il-briks, il-plastik irriċiklat jiġi kkombinat ma’ addittivi oħra li jsaħħu l-prodott bl-użu ta’ teknoloġija apposta.

Minkejja din l-inizjattiva eċitanti, xorta waħda jrid jgħaddi ftit taż-żmien qabel ma naraw il-briks tal-plastik irriċiklat ta’ LEGO fis-suq. Qabel ma dan il-prototip jiġi approvat għall-produzzjoni, jeħtieġ li jsiru aktar testijiet li jistgħu jieħdu madwar sena.
Din l-inizjattiva hi kisba kbira għal LEGO. Il-kumpanija wiegħdet investiment sa $400 miljun fuq tliet snin sabiex tiffinanzja l-inizjattivi tagħha favur l-ambjent.