Lara Michelle Camilleri
Malta u l-Konvoj ta’ Santa Marija. Kemm-il vapur irnexxilu jasal fil-port il-kbir?

Bħal-lum 79 sena ilu (fl-1942), daħal f’Malta l-Operation Pedestal, magħruf bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija, liema konvoj ta’ 50 vapur kien qed iġorr provvisti essenzjali għal Malta matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Dak iż-żmien, Malta kienet qed issofri ġuħ kbir għaliex żewġ konvojs importanti – l-Operation Harpoon u l-Operation Vigorous – kienu salvaw biss żewġ vapuri merkantili minn sbatax. Il-Konvoj ta’ Santa Marija kien qed iġorr 42,000 tunnellata ta’ ikel, qamħ u munizzjon, fost oħrajn. Il-vapur merkantili numru erbatax, li kien l-iktar vapur essenzjali minħabba li kien qed iġorr il-fuel li kien se jintuża għall-avjazzjoni, kien it-tanker Ohio. Fi triqtu lejn Malta, il-Forzi tal-Assi nqdew minn bombers, E-boats Ġermaniżi, vapuri Taljani MAS u sottomarini biex iħottu l-Konvoj għalkollox, inkluż l-Ohio, u ma jħallu lill-ebda vapur javviċina Malta.
Aktar minn 500 baħri u bdot sfaw maqtula filwaqt li minn erbatax-il vapur tal-merkanzija, ħamsa biss irnexxielhom jaslu l-Port il-Kbir, inkluż l-Ohio, megħjun u miġbud minn vapuri oħra waqt li terz minnu kien taħt l-ilma.