Isma' Ftit
Meta parti kbira mill-belt ta' Chicago spiċċat meqruda

Bħal-lum 150 sena ilu (fl-1871), in-Nar il-Kbir ta' Chicago beda fil-matmura ta' Patrick u Catherine O'Leary, u sa ma n-nar intefa għalkollox jumejn wara, parti kbira mill-belt spiċċat meqruda u madwar 300 persuna sfaw mejta.
In-nar, li beda fin-naħa tal-Punent tal-belt u nfirex b'mod allarmanti fi ftit minuti, seta' tqabbad minn xi vandali, ħallelin, ġirien, il-baqra ta' Catherine O'Leary, jew inkella kawża ta' reazzjoni kimika, madankollu s-sors baqa' mhux magħruf. Ir-riħ sħun u xott mil-Lbiċ spiċċa kaxkar in-nirien minn binja għal binja, anki minħabba l-fatt li dak iż-żmien binjiet bl-injam kienu prevalenti ħafna, u saħansitra anki dak il-bini li kien mibni apposta biex jilqa' min-nirien spiċċa sploda kawża tal-fjammi.
Kienu biss ix-xita, il-lag u l-artijiet mhux mibnija li waqqfu l-mewġa tad-distruzzjoni fl-10 ta' Ottubru. In-Nar il-Kbir ta' Chicago qered 17,450 binja li kienu jkopru kważi 9 kilometri kwadri. Terz tal-belt spiċċat meqruda għalkollox u madwar 100,000 persuna sfaw bla saqaf fuq rashom.
Minn Benjamin Camilleri