top of page
ME
NU
  • Writer's pictureIsma' Ftit

Out of Now - Esibizzjoni mtellgħa minn Alex Attard bħala metafora fuq dak li jibqa’ u ma jibqax




Fjuri, niexfa, miblula, imkemmxa, bħall żiffa riħ, itiru, jisparixxu, qieshom qatt ma kienu. Jintesew. “Out of now” hija metafora fuq dak li jibqa’ dak li ma jibqax. Fuq dak li hu permanenti u dak li hu temporarju. Tirrapreżenta il-konfini delikati bejn il- kreazzjoni u l-estinzjoni, bejn dak li hu ta’ din id-dinja u dak li hu mistiku, ir-riflessjoni w it-tmiem. L-Alfa u l-Omega.


Wara li fl-aqwa tal-eżistenza tagħhom għammxu bil-ġmiel lil kull min ħares lejhom, din l-esebizzjoni tista’ tiġi nterpretata bħala kutrumbajsa fir-rwol tal-fjura, rovesciata mentali li turi minn lenti konvessa dak li qabel konna naraw minn lenti konkavi, li b’mod kważi pervers, jirnexxielha tinfatwana bl-estetika pseudo tabu’. Sussegwentament, dawn il-fjuri fix-xifer tal-iskadenza jed jiġu ppreżentati lilna f’dimensjoni retrospettiva futura.



Alex Attard

Is-sitwazzjoni Covid lagħbet ma moħħ l-artist u dakkret l-immaġinazzjoni tiegħu biex ħoloq dal-kunċett. Hija ċara l-konnessjoni bejn il-ħajja tal-bniedem u l-konsegwenza tar-restrizzjonijiet ma dal-fjuri li bil-mewt tagħhom jirreġeneraw lilhom infushom u joħolqu mument ta’ lil hinn minn hawn – Out of Now. Il-kuluri vivaċi u l-isfond ħaj, jbexxqulna l-bieb biex inkunu nistgħu nimirħu f’ambitu ta’ normalita’ u jibgħatu messaġġ ta’ tama u ta’ bidu ġdid, bħal għasfur tan-nar li jerġa’ jitwieled mill-irmied tiegħu stess.



Din il-kollezzjoni se tkun esebita kuljum sal-14 ta' Novembru 2021, f' 'Il-Kamra ta' Fuq', 4, New Life Bar, Misraħ il-Knisja, l-Imqabba.


Għal iktar informazzjoni żur www.artsweven.com


bottom of page