Lara Michelle Camilleri
Relazzjoni mingħajr ħbiberija ma twassalx wisq fit-tul, anki jekk ikun hemm l-imħabba.

X’hemm isbaħ milli f’relazzjoni, u b’mod speċjali fiż-żwieġ, is-sieħeb tiegħek ikun ukoll l-akbar ħabib tiegħek? Relazzjoni ta’ mħabba msejsa fuq ħbiberija b’saħħitha minn għeruqha twassal għal żwieġ iktar empatiku u dejjiemi.
Il-ħbieb tal-qalb ifittxu li jqattgħu ħinhom flimkien, li jagħtu widen lil xulxin, li jferrgħu n-niket u jaqsmu l-ferħ tagħhom, li jsibu passatemp inkomuni, li jkunu ta’ spalla u joffru id ta’ sapport fl-aktar waqtiet vulnerabbli.
Bejn il-ħbieb tal-qalb l-iskumdità titlaq, bħalma jitilqu s-sigrieti, u l-ħbiberija profonda twassal għal iktar fiduċja.
Koppja li jkollha lil xulxin bħala l-akbar ħbieb tfittex li minflok ma tidfen is-sigrieti, minn jeddha, tagħżel li taqsamhom ma’ xulxin għax tagħraf l-importanza li tkun ktieb miftuħ.
Is-sieħeb tiegħek għandu jkun l-ewwel persuna li ddur fuqha f’mumenti ta’ ferħ u, aktar minn hekk, f’mumenti kiebja. Is-sieħeb tiegħek għandu jkun dik il-persuna li kontinwament tqanqallek għatx biex tkompli tiskopriha u tapprezzaha fuq kull livell.
Meta s-sieħeb tiegħek ikun ukoll l-akbar ħabib tiegħek ifisser li r-relazzjoni u l-affett ta’ bejnietkom huma bil-wisq aktar ta’ valur minn sempliċement ħsus romantiċi.
Relazzjoni li tkun mibnija fuq ħbiberija profonda twassal biex il-koppja tiddjaloga bejnietha b’mod sħiħ, saħansitra anki fuq aspetti li, tradizzjonalment, koppja ma tkunx imdorrija titħaddet dwarhom. Dan iwassal ukoll biex f’relazzjoni ta’ interdipendenza, l-istatus indipendenti tas-sieħeb u s-sieħba ma jintilifx, anzi jkompli jissaħħaħ permezz tal-ħbiberija ġenwina u sinċiera.
Huwa minnu li maż-żmien, ir-romantiċiżmu jaf jidbiel, speċjalment meta l-koppja tkun għaddejja minn mumenti ta’ sfida. Madanakollu, hu minnu wkoll li matul dawn il-waqtiet diffiċli, is-sieħeb u s-sieħba xorta waħda jistgħu jkunu ħbieb tal-qalb, u hi proprju din il-ħbiberija li tgħinhom jegħlbu d-diffikultajiet b’impenn u kuraġġ.