top of page
ME
NU
  • Writer's pictureGħidli Mitejn

Ryan ma jistax jaċċettaha. Għandu wisq rabja fih. Ingħalaq fih innifsu …

Storja ta’ Rita Saliba.



Logħba futbol


Nieħu gost narahom jikbru, jilagħbu, jiġġieldu fuq ix-xejn u jerġgħu lura rasimbras. Marcus għalaq seba’ snin, xagħru mqanfed kif kien ikun tiegħi; Ryan daqt għaxra. Kultant sar jitlef sabru maż-żgħir. Sar jippreferi l-kumpanija ta’ sħabu, iżda Marcus donnu dellu, idur warajh, jipprova jimitah.


Nhar ta’ Sibt joħorġu fil-bitħa. Ryan ħażżeż lasta mal-ħajt u joqgħod jilqa’ l-blalen ta’ ħuh. Marcus aktar imferfex, jixxuttja bl-addoċċ; għandu ħabta jintilef fis-sħab. Ħuh jgħajjatlu biex jiġi f’tiegħu. Darba minnhom Marcus donnu raqad, beda jigref fil ta’ maduma b’saqajh. Ryan waddabblu l-ballun bis-saħħa u li kieku ma dħaltx nilqgħu jien kien iweġġgħu. Iż-żewġ subien waqfu zoptu, ħarsu lejn xulxin b’għajnejhom imberrqin bilkemm jifilħu jitkellmu. Jien qassamt il-ballun lil Marcus bil-mod. Marcus laqgħu u ta xutt lejn il-ħajt fejn kien hemm Ryan qisu statwa.

“Goal!!!!” għajjat, “għedtlek jien, il-papà jkun qed jarana u ġie mis-sema jilgħab magħna!”


Għajnejn Ryan daru fid-dmugħ. Ma riedx jilgħab aktar. Marcus qeridlu biex ikomplu l-logħba ħa nerġa’ ngħinu jiskorja.


Filgħaxija smajt lil marti ċċempel lil ommi.


“Ryan ma jistax jaċċettaha. Għandu wisq rabja fih. Ingħalaq fih innifsu … iva naf … irid jgħaddi ftit taż-żmien, imma qed ikun wisq iebes ma’ Marcus. Eee ċempillek, Marcus? Dak iż-żgħir ħelu wisq … għandu l-immaġinazzjoni tiġri bih!”

bottom of page