Lara Michelle Camilleri
Tagħmilhiex tal-imħallef jekk m’għandekx il-fatti f’idejk

Niġġudikaw lil ħaddieħor għax inħossuna mtaqqla mill-insigurtajiet tagħna stess. Niġġudikaw għax nemmnu li permezz tal-ġudizzju li npoġġu fuq ħaddieħor, se nitfgħu d-dgħufijiet tagħna taħt it-tapit. Niġġudikaw għax fil-fond ta’ qalbna nkunu mixtieqa minn dak li għandu ħaddieħor. Niġġudikaw għax inħossuna intimidati jew naraw lil ħaddieħor bħala theddida għalina. Niġġudikaw għax inħossuna minsija u weħidna. Niġġudikaw għax aħna stess inkunu qegħdin infittxu bidla fina nfusna. Niġġudikaw għax ngħiru għas-suċċessi ta’ ħaddieħor, għall-kuraġġ ta’ ħaddieħor, għall-motivazzjoni ta’ ħaddieħor. Niġġudikaw għax m’aħniex kapaċi nittolleraw kulma hu differenti. Niġġudikaw għax nemmnu li se nħossuna aħjar jekk kemm-il darba nbaxxu lil ħaddieħor. Niġġudikaw għax l-għaxqa tagħna nibnu stejjer kurjużi fuq xulxin. Niġġudikaw għax fl-aħħar mill-aħħar ta’ kuljum aħna stess niġġudikaw lilna nfusna.
Qatt ħsibt f’kemm il-ġudizzju kapaċi jbiegħdek milli tagħraf l-istampa kollha? Qatt ħsibt f’kemm il-ġudizzju hu bbażat fuq informazzjoni inkompluta? Qatt ħsibt f’dak li persuna tkun għaddejja minnu u li inti m’għandekx għarfien tiegħu? Qatt għaddielek minn rasek li l-ġudizzju kapaċi jkisser persuna emozzjonalment? Qatt ħsibt fl-isterjotipi li qed toħloq inti stess bil-ġudizzju li qed tagħmel? Qatt ħsibt fin-negattività li qed ixxerred inti u tiġġudika? Qatt ħsibt f’kemm tista’ tagħmel aktar ġid kieku tiffoka fuqek innifsek u tieqaf titkellem fuq ħaddieħor?
Kun għaqli u agħraf staqsi lilek innifsek x’ġid jista’ joħroġ mill-ġudizzju. Inti li ma kontx fiż-żarbun ta’ ħaddieħor ma tistax tpinġi l-istampa kollha, ma tistax tħoss dak li ħass ħaddieħor, ma tistax ixxerred l-istess dmugħ li xerred ħaddieħor, ma tistax tkejjel id-diffikultajiet li għadda minnhom ħaddieħor.
Kun għaqli u tiġġudikax; la b’kelma u lanqas b’ħarsa.