Lara Michelle Camilleri
Ġieli tħossok waħdek anki jekk imdawwar bil-ħbieb? X'tista' tagħmel?

Meta tħossok waħdek tgħallem gawdi l-kumpanija tiegħek stess
Jista’ lanqas ikollok ħabib wieħed u xorta tħossok maħbub, iżda jista’ jkollok mitt ħabib u xorta tħossok waħdek. Skont diversi studji, madwar 20% sa 50% minna jħossuhom waħedhom xi darba jew oħra, filwaqt li madwar 5% sa 10% minna jħossu li s-solitudni saret parti mill-identità tagħhom. Ipprova żomm dawn il-punti li ġejjin jekk tixtieq ittaffi mit-toqol tas-solitudni:
Ma jfissirx li għax illum ħassejtek waħdek, għada se tħossok l-istess. Is-solitudni mhijiex permanenti u ma tiddefinixxix inti min inti. Aċċetta l-fatt li ġieli tħossok waħdek u aħdem biex tegħlbu.
Saħħaħ u għożż ir-relazzjonijiet tajba li għandek ma’ ta’ madwarek. Staqsihom biex tiltaqgħu għal kafè, iżżuru xi mużew jew taraw xi film.
Fittex persuni li jħaddnu valuri, interessi u attitudnijiet simili għal tiegħek. Huwa iktar faċli li tibni relazzjoni tajba ma’ dawn it-tipi ta’ nies.
Tħarisx lejn Facebook. Facebook kapaċi jqarraq u juri stampa falza tar-realtà li qed ngħixu fiha.
Issieħeb voluntier ma’ xi għaqda. Meta toffri ħinek għal ħaddieħor tkun qed tħalli impatt pożittiv fuqek innifsek.
Żomm djarju biex ta’ kuljum tniżżel fih ħames raġunijiet ta’ għala għandek tħossok grat.
Tgħallem gawdi l-kumpanija tiegħek stess. Mhuwiex minnu li biex tegħleb is-solitudni trid bilfors tkun fil-preżenza ta’ ħaddieħor. Esperimenta b’modi differenti ta’ kif tista’ tieħu gost filwaqt li tkun waħdek: agħmel l-eżerċizzju, ippjana safra, kul il-platt favorit tiegħek, isma’ mużika tajba u ċċaqlaq magħha, ħarbex erba’ versi poetiċi, mur sat-teatru, ara Friends.
Oħroġ mill-qoxra tiegħek. Agħmel xi ħaġa ġdida f’ħajtek, anki jekk qatt ma kont toħlom li tagħmilha: tgħallem strument, tgħallem iżfen, mur klassijiet tad-drama, tgħallem lingwa ġdida, issieħeb f’xi grupp, tgħallem suq ir-rota, interessa ruħek fil-fotografija.
Tfittixx il-kwantità f’kulma tagħmel. Fittex il-kwalità.
Agħmilha ma’ nies li kapaċi jaraw it-tajjeb fik u warrab lil dawk li jikkritikawk b’mod distruttiv.
Tibżax tmur għat-terapija jekk tibqa’ tħossok waħdek. Però emmen li dak li qed tħoss se jgħaddi wkoll.
Is-solitudni mhux dejjem tesprimi sentiment ta’ diqa. Hemm mnejn li s-solitudni hi l-mediċina tiegħek għax iġġiegħlek tapprezza iktar lilek innifsek, tgħallmek tkun iktar indipendenti u tgħinek tirrifletti fuq ħajtek.