ME
NU
  • Isma' Ftit

Titħabbar id-data tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2021



Tħabbret id-data tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu (Ball of the August Moon) ta’ din is-sena, li se jsir nhar is-Sibt 21 ta’ Awwissu 2021 fil-ġonna tal-Palazz Verdala. Din se tkun it-tielet edizzjoni li qed tiġi organizzata taħt il-Presidenza tal-President George Vella u t-tieni waħda bir-restrizzjonijiet fil-kuntest tal-Covid-19.


Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, il-President tal-Kumitat Organizzattiv tal-Ballu, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, ta dettalji dwar l-avveniment u enfasizza li l-ballu se jsir b’konformità sħiħa mad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, li magħhom l-organizzaturi jinsabu f’kuntatt kontinwu. Semma li waħda mill-bidliet din is-sena hija fid-data, li ntgħażlet ftit aktar tard f’Awwissu mis-soltu bil-ħsieb li s-sitwazzjoni fejn tirrigwarda l-pandemija tilħaq titjieb, iżda kkonċidiet proprju ma’ lejlet il-qamar kwinta. Barra minn hekk, il-mużika waqt il-ballu, li matulu mhux se jkun hemm żfin, se tindaqq mill-baned tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Korp tal-Pulizija. ​




Il-President George Vella rringrazzja lill-Markeżin de Petri Testaferrata u lill-bqija tal-membri tal-kumitat organizzattiv li, għat-tieni sena wara l-oħra, kellhom jaffaċċjaw aktar diffikultajiet mis-soltu biex din it-tradizzjoni ma tmutx u jibqgħu jinġabru fondi bżonnjużi għall-Community Chest Fund. Irringrazzja wkoll lill-isponsors kif ukoll lill-baned tal-Pulizija u tal-Forzi Armati.


“Għamilna s-sagrifiċċji kollha, għamilna dak kollu li hemm bżonn biex inkunu konformi mal-liġi u anke biex inkunu moħħna mistrieħ li ma nkunux qed nagħmlu ħsara jew inkella jkollna xi konsegwenzi. Is-sena l-oħra ħadna l-miżuri kollha. Sodisfatt li ma ġara xejn u konna qegħdin tajjeb, u hekk nispera li jkun hemm dis-sena,” qal il-President. Filwaqt li ttama li l-qagħda rigward l-imxija tkompli titranġa, għamilha ċara li jekk l-affarijiet imorru għall-agħar jew inkella jkun hemm direzzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa biex il-ballu jitħassar, dan jitħassar.


Il-biljetti qed jinbiegħu bil-prezz ta’ €100 kull persuna u jistgħu jinxtraw online mis-sit elettroniku www.augustmoonball.com.


Sors: DOI

  • Facebook
  • Instagram

Isma' Ftit hu mmexxi minn turtle.mt.

Aħna niktbu dwar: ħsibijiet, riflessjonijiet, ġrajjiet kurrenti, arti, kitbiet, tagħlim u stejjer oħra li jnisslu pożittività.

© Isma' Ftit. Kull dritt riservat 2016 - 2021