Isma' Ftit
Titnieda kampanja għal imġiba aktar prudenti fuq il-baħar matul ix-xhur tas-sajf

Titnieda kampanja edukattiva ‘Il-Baħar Ingawduh Flimkien’, imtellgħa mill-Awtorità għat-Trasport f'Malta, bil-għan li tiżdied ir-responsabbiltà u jkun hemm imġiba aktar prudenti fuq il-baħar matul ix-xhur tas-sajf. Il-kampanja ta’ din is-sena, ‘Il-Baħar Ingawduh Flimkien’, taċċenna erba’ punti prinċipali:
1. Tgħumx viċin is-slipways u tagħlaqx l-aċċess għad-dgħajjes. Is-slipways għandhom jintużaw biss biex jitniżżlu u jittellgħu d-dgħajjes u ħadd m’għandu jagħlaq l-aċċess tagħhom. Wieħed għandu jtella’ jew iniżżel l-opra tal-baħar u jneħħi l-vettura mill-islipway malli jkun lest. L-għawwiema qed jintalbu sabiex ma jgħumux viċin l-islipways kemm għas-saħħa u għas-sigurtà tagħhom kif ukoll biex ma jagħlqux l-aċċess għad-dgħajjes.
2. Irrispetta l-limitazzjonijiet tad-dgħajjes qrib tiegħek. Toħloqx periklu. Dgħajjes ta’ ċertu daqs jafu joħolqu rima qawwija li toħloq periklu lil dgħajjes iżgħar. Qed jintalab aktar rispett fuq il-baħar speċjalment minn dgħajjes ta’ ċertu daqs meta javviċinaw dgħajjes iżgħar. Kulħadd għandu jirrispetta l-limitazzjonijiet tad-dgħajjes fil-qrib sabiex ma jinħoloqx periklu.
3. Id-dgħajjes bil-magna m’għandhomx ifixklu dgħajjes bil-qlugħ jew dgħajjes tas-sajd. Kulħadd għandu jkun prudenti u dejjem jinżammu d-distanza u l-veloċità addattati f’kull ħin skont ir-Regolamenti Dwar it-Tħaris mill-Kolliżjonijiet (L.S. 234.20).
4. L-ikel li jifdallek itfgħu fil-kaxxa mhux tħallih warajk jew fil-baħar. Tħammiġx. Qed jintalab li ma jitħalla l-ebda skart fuq il-bajja u ma jintrema xejn fil-baħar. Il-fdalijiet qed jiġu mitluba li jittieħdu lura d-dar u jiġu mqassma fir-reċipjenti kif meħtieġ. Dan sabiex inkomplu nibżgħu għall-ambjent u għall-ispeċijiet fil-baħar.

Ritratt minn Kevin Abela