top of page
ME
NU
  • Writer's pictureIsma' Ftit

Titnieda l-Malta Food Agency li se tieħu ħsieb il-bejgħ u l-promozzjoni tal-prodotti tal-ikel



Titnieda l-Malta Food Agency li se tkun responsabbli li timmanniġġja l-bejgħ tal-prodotti tal-ikel agrikoli, laħam u ħut lokali, kif wkoll tippromwovi l-prodotti u ssib swieq alternattivi.

Il-Malta Food Agency se tkun qed tagħmel ukoll riċerka sabiex ittejjeb l-operat u l-proċessi fis-setturi tal-pitkalija, tal-pixkerija kif ukoll fl-impjant tat-tqattigħ u spulpjar tal-laħam fil-Biċċerija.

Permezz tal-Malta Food Agency se jiġi żgurat li jkun hemm bażi amministrattiva u maniġerjali b'saħħitha. Se jiġu mnedija proċeduri u proċessi adegwati għall-andament tax-xogħol, kif ukoll struttura li tgħin lill-bdiewa, lir-raħħala, lis-sajjieda kif ukoll il-partijiet interessati ewlenin.

Il-Malta Food Agency diġà bdiet dan ix-xogħol, permezz ta' tnedija tar-riforma fil-Pitkalija. Din ir-riforma qed issir sabiex ikun hemm aktar trasparenza, governanza u organizzazzjoni. Fost id-diversi miżuri li qed jittieħdu ġew imnedija aktar infurzar fuq kontrolli ta' kwalità, traċċabilità tal-prodotti u l-preżentazzjoni tal-prodott.



Permezz ta' din-riforma, huwa mistenni li se jitħaffef il-proċess tax-xogħol u se jgħin sabiex tiżdied it-traċċabilità u l-kontrolli.

Il-bidwi se jingħata rċevuta tal-prodott li jkun daħħal fil-Pitkalija fejn il-bejgħ kollu se jiddaħħal fis-sistema tal-informatika mill-ewwel u x-xerrej jingħata fattura skond ix-xiri tiegħu. Se jkun hemm uffiċċju tal-ħlasijiet ċentrali sabiex ikun hemm kontroll assolut fuq djun u jiġi żgurat li l-bidwi jitħallas fil-ħin. Il-Malta Food Agency se tkun qed taħdem sabiex ittejjeb il-kwalità tal-prodott lokali fejn qed isiru preparamenti biex jiddaħħlu standards u studji ta' kif jistgħu jiġu ppakkjati u ppreżentati l-prodotti.

Sors: DOI

bottom of page