Għidli Mitejn
Wara l-Pandemija
It-traġedja ta’ kuljum ta’ tifla li m’għandhiex bżonn il-miżuri tal-pandemija biex iżżomm weħidha. Rakkont miktub tajjeb ferm mill-imgħallma tal-mikrostorja, Rita Saliba.

La tgħaddi l-Pandemija se jerġgħu jiftħu l-iskola mill-ġdid. Bagħtulna email bil-miżuri l-ġodda li hemm bżonn insegwu.
Mhux se nkunu nistgħu nagħmlu sports ta’ kuntatt fil-bitħa. Ma niftakarx li qatt għamilt xi tip ta’ sports, jew ġejt magħżula nilgħab mat-tim tal-klassi. Min kien se jagħżilni? Bilkemm niflaħ niġri b’dil-figura li għandi. Nistħi nbiddel quddiem sħabi. Min jaf neħħewhiex dik it-tpinġija fit-toilets? Pinġewni minfuħa liebsa l-ħwejjeġ ta’ taħt se jixpakkaw, b’Abi Bomblu miktuba fuq rasi.
Fil-break għandna nibqgħu nieklu waħedna, inżommu d-distanza minn xulxin. Dejjem fittixt distanza ’l bogħod minn sħabi. Imma nkun fejn inkun kont niġi ssuttata bil-ħobż.
Se nibdew nagħmlu l-proġetti għal rasna. Fi proġetti waħdi kont sirt esperta. Qatt ma ħdimt ma’ ħaddieħor. Dejjem ħdimt kif ridt jien, bl-ideat kollha tiegħi. Mhux se jkollna aktar Jum il-Premjazzjoni, intellgħu xi dramm, nistiednu l-ġenituri. Il-ġenituri tiegħi qatt ma rawni wara l-purtiera nieħu ħsieb id-dwal jew niġbor il-kostumi mill-art. Għalkemm dawk l-affarijiet ma kontx niddejjaq nagħmilhom.
Bħala prekawzjoni se jkollna nibdew nilbsu l-maskra. Se nkun nista’ naħbi xofftejja jirtogħdu f’bikja siekta għall-inbix ta’ sħabi. M’iniex se nara l-ħalqhom imċarrat jiżżuffjettaw bija. Ħadd minnhom mhu se jara wiċċi mistrieħ wara l-maskra kif nisma’ l-marki baxxi tagħhom.
Ninsab fuq ix-xwiek nerġa’ lura l-iskola. Fl-aħħar nista’ nitbissem mingħajr ħadd ma jkun jaf.
Grazzi għall-paġna ta' facebook Għidli Mitejn