top of page
ME
NU
  • Writer's pictureLara Michelle Camilleri

X’jagħmlek mexxej tajjeb?



Mexxej tajjeb ma joskurax is-suċċessi ta’ ħaddieħor biex jidher l-aħjar hu. Meta mexxej ifaħħar lil ta’ taħtu ma jfissirx li jkun qed idgħajjef is-suċċessi tiegħu.


Inutli li mexxej jibni tim individwalment b’saħħtu biex imbagħad ikun impedut milli joffri ħsibijietu u jaħdem b’enerġija pożittiva. Mexxej b’saħħtu jagħti anki meta mhuwiex mistenni minnu; jikber kontinwament; jistaqsi dwar ħaddieħor bi mħabba; iħeġġeġ bl-eżempju tiegħu; u jservi b’umiltà.


Tmexxija tajba titlob li tagħmel l-almu tiegħek biex tgħin lil ta’ taħtek jemmnu aktar fihom infushom u tgħinhom jikbru fil-potenzjali u l-ħiliet tagħhom. Fuq naħa waħda, mexxej umli jaċċetta l-ħtija u jagħti krettu fejn mistħoqq. Fuq in-naħa l-oħra, mexxej dgħajjef jitfa’ l-ħtija fuq ħaddieħor u jaċċetta l-krettu, anki fejn mhuwiex mistħoqq.


Sabiex mexxej jattira nies ta’ kwalità, l-ewwel pass fundamentali hu li jsir persuna ta’ kwalità hu stess. Mexxej umli joffri l-pariri tiegħu; ikun miftuħ għad-djalogi; jiġġenera l-entużjażmu; jafda; jaħdem biex joħroġ l-aħjar tal-persuna; jitkellem fil-plural; u jsib is-saħħa fl-unità.


Mexxej li jinqeda bl-awtorità u l-poter biex b’qerq jasal fejn irid hu jkun qed iħaffer il-qabar tiegħu stess. Is-suċċess għal tmexxija tajba hu li tkun influwenti u mhux awtorevoli. B’umiltà, għandek tagħraf li l-ewwel persuna li għandek tbiddel għall-aħjar hi lilek innifsek, mhux lil ta’ madwarek.


Tmexxija tajba hi azzjoni, mhux pożizzjoni.

Tmexxija tajba tiċċelebra s-suċċessi tat-tim filwaqt li tindirizza n-nuqqasijiet bi mħabba.


Mexxej tajjeb għandu jkun viċin biżżejjed biex jirrelata ma’ ta’ taħtu, imma mbiegħed biżżejjed biex jimmotivahom ikunu bħalu.



Lara Michelle Camilleri

Tags:

bottom of page